Friday, April 26, 2024

RIFORMA STORIKA WARA DJALOGU ESTENSIV

Aqra wkoll

Fost ir-riformi kbar li wettaq il-Gvern Laburista mill-2013 lil hawn, bla dubju waħda mill-akbar tibqa’ l-emenda li saret għall-Kodiċi Kriminali li issa neħħiet il-piena ta’ ħabs minn fuq il-professjonisti u l-omm f’każ li t-tqala tagħha tpoġġilha ħajjitha f’riskju ċar ta’ mewt.

Bla dubju din l-emenda fil-bidu tagħha qanqlet kontroversja kbira tant li kienu bosta dawk favur jew kontra li taw il-fehma tagħhom dwarha. Iżda llum, għax hawn Gvern li jisma’, saret konsultazzjoni estensiva l-aktar ma’ dawk li taw fehmithom dwar din l-emenda. Issa wara din il-konsultazzjoni l-emenda ġiet imtejba kważi għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd, għajr għal fatt li wrew nuqqas ta’ qbil magħha.

L-emenda ġiet iċċarata b’mod li għaddiet b’vot unanimu mill-Parlament biex issa jonqos biss il-firma tal-President ta’ Malta sabiex din tidħol fis-seħħ.

F’dan il-kuntest, nemmnu li l-proċess ta’ konsultazzjoni li l-Gvern imbarka fuqu f’dawn l-aħħar ġimgħat, fejn sema’ l-opinjonijiet ta’ dawk kollha interessati, kien kruċjali biex seta’ jintlaħaq dan l-iżvilupp storiku leġiżlattiv. Jikkonferma wkoll il-kuraġġ li kellu l-Gvern li sa mill-bidu nett saħaq fuq il-bżonn li jkun hemm din ir-riforma li tħares il-ħajja tal-omm prospettiva.

Mill-perspettiva politika, ta’ min wieħed jgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet tgħid li l-Gvern dar lura minn kelmtu dwar din l-emenda meta fil-fatt ukoll l-Oppożizzjoni bidlet fehemtha għax filli kienet voċifera kontra l-ewwel emenda u issa qed tgħid li taqbel mal-emenda l-ġdida tant li vvutat favuriha.

Mill-banda l-oħra, ma nistgħux ma ninnutawx ukoll b’sodisfazzjon li b’din il-liġi pajjiżna issa ġie konformi mal-Konvenzjoni Ewropea. Fuq kollox, ħareġ b’mod mill-aktar ċar illi meta jkun hemm djalogu kontinwu b’saħħtu, għalkemm xorta waħda jista’ jkun hemm min ma jaqbilx, l-għan aħħari jintlaħaq.

Fil-fehma tagħna, il-mod ta’ kif saret il-konsultazzjoni u fl-istess il-Gvern baqa’ jinsisti fuq l-emenda anke l-ġdida turi li dan huwa Gvern riformista li ma jiddejjaqx jieħu deċiżjonijiet ibsin kemm huma ibsin li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ta’ ġid għaċ-ċittadini kollha.

Filwaqt li nifhmu li każijiet ta’ ommijiet bi problemi fit-tqala mhumiex f’numru kbir, madankollu b’din l-emenda l-Gvern wera l-intenzjoni li anke jekk tolqot persuna waħda, id-deċiżjoni trid tittieħed daqslikieku kienet se tolqot numru akbar ta’ nisa.

Sport