Fit-teorija, kulħadd favur ir-riformi li jħarsu l-ambjent. U hekk għandu jkun.
Meta niġu għas-si u n-no dwar x’liġijiet u regolamenti se jitħaddmu biex jitwettqu dawn ir-riformi meħtieġa, iqumu l-problemi. Kif wieħed jista’ jistenna…
Il-bidliet li jridu jsiru se jqanqlu mill-qiegħ kif isiru l-affarijiet. Mhux biss fil-qasam tal-impjiegi imma wkoll f’oqsma bħal dawk tal-prezzijiet, tal-għażliet li ċ-ċittadini jistgħu jagħmlu fil-konsum tagħhom u tal-modi kif jgħixu.
Sakemm jintlaħqu l-bilanċi ġodda bilfors li jridu jinstabu ċerti soluzzjonijiet għal dawn il-problemi li jsostnu l-ambjent u li jkunu wkoll ġusti.
Is-soċjalisti Ewropej qed jagħmlu tajjeb li jisħqu biex ir-riformi ħodor ikunu fl-istess ħin “soċjali”. Ikun żball enormi jekk il-bidliet iseħħu billi l-piżijiet li jġibu magħhom iġorruhom dawk li jifilħuhom l-anqas.
FLIEXKEN TAL-PLASTIK
Aktar ma tiżvolġi l-istorja, aktar qed tidher bħala taħwida l-biċċa ta’ fliexken tal-plastikk u simili li fuqhom jitħallsu 10 ċenteżmi li jitraddu lura meta vojta, l-fliexken jiddaħħlu f’magna. Fi żmien meta niftaħru b’kemm l-inizjattivi tagħna jridu jkunu sostenibbli, dal-proġett ftit jagħmel sens, la qed jitmexxa ras imb’ ras mal-proġett li ilu għaddej, biex l-istess rimi tal-plastikk jitpoġġa f’borża u jitħalla darba jew tnejn fil-ġimgħa quddiem il-bieb ta’ barra tad-djar.
Anqas ma n-nies tmur tpoġġi l-plastikk tagħha fil-magni provduti, aktar se jaqilgħu dawk li qed imexxu l-proġett (anke jekk hu “non-profit”!). Għax mid-dehra huma jieħdu l-fondi kollha miġmugħa bit-“taxxa” tal-10 ċenteżmi. Issa, numru sostanzjali ta’ ċittadini diġà ddeċidew li se jibqgħu jużaw is-sistema tal-boroż li jitħallew quddiem id-djar. Kull bott li jeħilsu minnu b’dal-mod, qed iqalla’ 10 ċenteżmi lil min qed jipprovdi ġbir ta’ tip differenti.
Forsi qed nifhem ħażin xinhu jiġri!
IL-GRIŻ QATT MA JIRBAĦ
Darba ngħatajt dal-parir: Meta n-nies tintalab biex tagħżel bejn żewġ toroq l-għażla trid titpoġġa f’kuntrast sħiħ. Dak li jxaqleb lejn l-abjad irid jiġi preżentat bħala abjad għal kollox; dak li għandu mill-iswed, irid jintwera bħala iswed karg. F’għażla fejn naħa se tgħid li l-abjad jew l-iswed tagħha jiġi bl-isfumaturi (anke jekk dan ikun minn ewl id-dinja), waqt li l-oħra tgħid li tagħha hu totalment karg, se tirbaħ din tal-aħħar, anke jekk il-verità tkun kif qed jgħidha tal-ewwel u tgħodd għaż-żewġ naħat.
Minn dak iż-żmien lil hawn, innotajt kif f’kull tellieqa politika li rajt tiżviluppa f’Malta u barra matul is-snin, din l-istrateġija dejjem ġiet addottata minn kulħadd.
Kont aċċettajt il-parir li ngħatajt li “l-griż qatt ma jirbaħ” għalkemm ma kontx konvint minnu. Hekk għadni sal-lum.