Tuesday, May 14, 2024

RIGAL LI MA JISWIKX FLUS IMMA IMPREZZABBLI GĦAL ĦAFNA

Aqra wkoll

L-akbar rigal prezzjuż li tista’ tingħata persuna hu li ssib, meta tiġi bżonn, l-għajnuna u l-ġenerożità ta’ ħaddieħor meta l-iktar meħtieġ. U f’pajjiżna m’aħniex neqsin mill-ġenerożità lejn ħaddieħor tant li l-poplu Malti huwa magħruf mal-erbat irjieħ bħala poplu b’qalb kbira u karitattiv, li jkun pront jagħti minn dak li għandu biex itejjeb il-ħajja u jnaqqas it-tbatija u s-sofferenzi tal-oħrajn.

Proprju kemm il-Maltin huma ġenerużi narawh ukoll ta’ kull sena fil-maratoni ta’ ġbir ta’ flus li jsiru bil-għan li jiġu megħjuna dawk l-iktar fil-bżonn. Il-maratoni tal-Community Chest Fund huma prova evidenti ta’ hekk.

Ilbieraħ ġie mfakkar il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. Jum li l-iskop uniku tiegħu huwa li jagħti għarfien u ġieħ lil dawk li ma jaħsbux fihom innifishom biss imma jaħsbu f’ħaddieħor ukoll, fil-mard u d-diżgrazzji li jkunu għaddejjin minnhom.

Id-donaturi tad-demm huma kruċjali fis-soċjetà. Huma kruċjali għaliex bil-ġest nobbli tagħhom, isalvaw il-ħajjiet ħafna drabi ta’ nies li ma jkunux jafu minn huma. U huwa propju għalhekk li d-donaturi, speċjalment dawk li jagħtu d-demm regolarment, jixirqilhom kull rikonoxximent u apprezzament.

Nifhmu li kull rikonoxximent u apprezzament aktar iva milli le jwassal biex jikber u jiżdied in-numru ta’ donaturi biex jiġi assigurat li jkun hemm riserva biżżejjed ta’ demm li jilqa’ għal kull eventwalità.

Ta’ min ifaħħar ukoll l-inizjattivi li minn żmien għal żmien jieħdu diversi negozji privati li mhux biss iħeġġu imma wkoll jinċentivaw lill-impjegati tagħhom sabiex jingħaqdu flimkien u jmorru jagħtu d-demm. Dawn l-inizjattivi, fortunatament qed narawhom jikbru fil-popolarità u fl-importanza tagħhom.

Minbarra f’każi ta’ mard serju, bħal dak tal-kanċer, id-demm tad-donaturi jintuża wkoll għall-vittmi ta’ inċidenti serji ta’ kull tip. Għalhekk nemmnu li huwa essenzjali li l-poplu jwieġeb kull meta meta jinstemgħu avviżi fil-mezzi tal-komunikazzjoni għall-għoti tad-demm.

Ngħidu dan għax nagħrfu l-ħtieġa u l-importanza li ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ma jsibx ruħu fi skarsezza ta’ demm iktar u iktar ta’ dawk it-tip li mhumiex komuni. Għalhekk għandna nagħmlu minn kollox biex dan ma nħalluhx iseħħ.

Sport