Saturday, December 21, 2024

RIKONOXXIMENT LEJN ĦIDMA VOLONTARJA

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħda tikber l-importanza tal-volontarjat f’pajjiżna. Dan il-qasam huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-valuri l-aktar importanti għas-soċjetà Maltija tant li huwa mifrux mal-pajjiż kollu. Dan filwaqt li jagħti ċertu sens ta’ sodisfazzjon lil min ikun qed jagħmlu billi b’dak li jagħmel ikun qiegħed itejjeb il-kwalità tal-lokal jew saħansitra individwi li jaqgħu fil-faxxa ta’ nies vulnerabbli li japprezzaw ferm kwalunkwe forma ta’ spalla. 

Huwa għalhekk li dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-importanza ta’ dan is-settur tant li fil-budget għas-sena d-dieħla hemm allokati aktar minn €2 miljun, b’żieda ta’ nofs miljun aktar fuq is-sena kurrenti. Apparti minn hekk, fil-bidu tas-sena d-dieħla l-Ministeru se jniedi skema ġdida ta’ fondi lill-għaqdiet volontarji u l-każini tal-baned b’investiment ta’ €250,000.  

Minkejja li ħafna minn dawn il-persuni jaħdmu minn wara l-kwinti, nemmnu li tajjeb li s-soċjetà tkun kapaċi tirrikonoxxi s-sehem tagħhom li jissaggrifikaw mill-ħin tagħhom biex igawdi ħaddieħor. F’soċjetà fejn ħafna tarahom jiġru fuq il-midja soċjali biex jiddikjaraw diversi dikjarazzjonijiet fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali, ma nistgħux ma nirrikonoxxux lil dawk li jsibu ħin biex jgħinu finanzjarjament jew bil-ħin tagħhom lil għaqdiet mhux governattivi. L-annimali f’dawn is-santwarji ma jiddependux primarjament fuq ċertu kritika fuq il-midja soċjali, iżda minn dawk li jiddeċiedu li jagħtu mill-ħin tagħhom biex iservu ta’ kumpanija u juruhom imħabba b’azzjonijiet bħalma hija sempliċiment mixja fl-akwati ’l barra mill-post li jinżammu fih.

  • F’dan il-baġit qed naraw il-kunċett tar-responsabbilta’ soċjali korporattiva tieħu aktar ħajja bi Gvern Laburista jkompli jsaħħaħ lis-settur flimkien mal-ażjendi fis-settur privat.  Ażjendi li jagħtu donazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju tal-Volontarjat u li joperaw b’mod dirett fil-qasam ta’ natura soċjali, ambjentali jew b’riżq l-annimali ser jingħataw kreditu ta’ taxxa fuq donazzjonijiet sa massimu ta’ €500.  

Tajjeb għalhekk li nfaħħru l-inizjattiva biex tittella’ l-attività Premju Nazzjonali għall-Volontarjat li l-għan tagħha hu li tagħti rikonoxximent lil persuni u għaqdiet li jiddistingwu ruħhom fis-settur, fejn bil-kontribuzzjonijiet tagħhom jagħmlu soċjetà aħjar. Din is-serata se tittella’ f’Diċembru li ġej b’rabta mal-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat kommemorat min-Nazzjonijiet Uniti. 

Ekonomija

Sport