Wednesday, April 24, 2024

Riskju li COVID-19 tibqa’ sa 2022 u anke wara… aħjar tlaqqmu nies fil-pajjiżi kollha milli n-nies kollha ta’ xi pajjiżi

Aqra wkoll

Minn – VICTOR VELLA

F’ħafna pajjiżi sinjuri u pajjiżi oħrajn inkluż f’Malta qegħdin nitkellmu fuq it-tilqima. L-argument issa hu meta se jeħilsu mill-Covid19. Min jgħid sal-bidu tas-sajf, min jgħid ftit aktar tard u min qed isemmi li lejn l-aħħar ta’ din is-sena ikun tlaqqam kulħadd f’pajjiżu. Dejjem qegħdin jitkellmu fuq pajjiż partikolari. Li mhux jirrealizzaw ħafna pajjiżi, jew forsi għax jaqbillhom jinjoraw, hu dak li f’pandemija ma tistax titkellem x’se jagħmel biss ir-Renju Unit jew x’se tagħmel l-Unjoni Ewropea. Fejn tidħol pandemija, irridu naraw l-istampa kollha. Per eżempju x’se jiġri fil-pajjiżi foqra? Fil-pajjiżi tal-Amerika Latina? Fil-pajjiżi Afrikani? Fil-pajjiżi fqar fl-Asja?

Prattikament dan hu argument li fid-dinja tal-Punent ftit li xejn isir.  Il-poplu fin-naħa tal-Punent u f’pajjiżi sinjuri oħra huma mheddijin u aljenati bit-tilqima. Il-pajjiżi fqar injorati kompletament. Dawn il-pajjiżi fqar jinsabu f’sitwazzjoni prekarja għax m’għandhomx idea ta’ meta se jirċievu it-tilqima u kemm se jirċievu u dan meta pajjiżi sinjuri u pajjiżi oħrajn xtraw aktar tilqim minn kemm għandhom bżonn u diġa bdew ilaqqmu.

Hu stabbiliti li pajjiżi sinjuri u oħrajn li l-popolazzjoni tagħhom tgħodd xi 15 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja xtraw aktar minn nofs il-provvisti ta’ tilqim.

Il-pandemija tista’ titwal sas-sena 2022 u 2023

Minħabba dan, għandna sitwazzjoni fejn 85 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja, b’ammont minnha f’żoni remoti għall-aħħar, m’għandhom ebda garanzija ta’ meta se jirċievu u jingħataw it-tilqima. Xi pajjiżi qed jgħidu li lesti jagħtu ż-żejda imma dan se jsir meta huma jkunu laqqmu lin-nies tagħhom u għalhekk dan ifisser ammont ta’ xhur oħra, xi drabi anke lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Esperti mediċini qed iwissu dwar dan. Jidher li ftit li xejn qed jingħata każ dawn it-twissijiet. It-twissijiet huma li minħabba s-sitwazzjoni tal-pajjiżi fqar u nuqqas ta’ tilqim, il-pandemija tista’ tispiċċa titwal għas-sena 2022 u anke 2023.

Għaliex inqas imwiet rappurtati f’pajjiżi Afrikani u pajjiżi fqar

Jekk wieħed ikollu janalizza l-imwiet mill-Covid19, fatt li mill-ewwel jiġu innutat hu dak li f’pajjiżi fqar qed ikun hemm rappurtati ħafna inqas imwiet u anke f’xi każi ammont baxx ta’ infezzjonijiet mill-Covid19.  Jekk wieħed ikollu jieħu l-kontinent Afrikan, naraw li f’dan il-kontintent hemm rappurtati inqas imwiet minn kemm ġew rappurtati f’pajjiż bħal Franza. Dan qed iqajjem l-argument li din mhix sitwazzjoni reali. Hemm argumenti li qed isostnu li kemm l-infezzjonijiet u anke l-imwiet huma ħafna aktar minn dawk li qed jingħad.

Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn x’qed jingħad f’pajjiżi Afrikani u anke pajjiżi oħra, qed jissemma’ kif hemm nuqqas ta’ riżorsi biex jittestjaw. l-infezzjonijiet, problemi loġistiċi, u anke stigma u biża li wieħed jirrapporta.

Id-Direttur Ġenerali tal-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO), Dr Tedros Adhanom Ghebreysessus, waqt li ddeskriva l-wasla tat-tilqma bħala ‘raġġ ta’ dawl’, hu enfasizza b’mod qawwi li l-pandemija tintemm biss jekk din tintemm f’kull parti tad-dinja fl-istess ħin. Prattikament dan ifisser li hu essenzjali u importantissimu li jitlaqqmu nies fil-pajjiżi kollha milli n-nies kollha ta’ pajjiżi partikolari.

Dubji kemm pajjiż jista’ jtemm il-pandemija bit-tilqima biss

Hu dubjuż kemm pajjiż partikolari jista’ jtemm il-pandemija bit-tilqim biss. Biex tintemm il-pandemija hemm bżonn li 70 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija trid tiġi mlaqqma biex tinkiseb dik li tissejjaħ “herd immunity”. Illum hu ċert li din il-ħaġa ma tistax tintlaħaq fi żmien qasir.

Sfortunatament fil-ġirja għat-tilqima, u fil-ġirja għall-profitti, qed naraw kif it-tilqima spiċċat f’idejn ftit pajjiżi biss. Prattikament dan se jfisser ħaġa waħda – dak li l-pandemija se toqtol ħafna aktar nies fix-xhur li ġejjin.  Mhux esksluż li anke wara li tkun ingħatat it-tilqima, jaf jgħaddi żmien u l-Covid19 jerġa’ jitfaċċa f’dawn il-pajjiżi.

Il-produzzjoni tat-titlqima

Hu stmat li Pfizer, Moderna u Astra Zeneca se jkunu qed jipproduċu xejn inqas 5.3 biljun doża fis-sena 2021. Dan ifisser tilqim għal 2.6 biljun persuna. Il-pajjiżi sinjuri għamlu ordnijiet minn qabel għal dawn.

Quddiem dan il-People’s Vaccine Aliance, qed iwissu dwar dan u saħqu li diversi pajjiżi xtraw  biżżejjed tilqim biex ilaqqmu lill-popolazzjoni tagħhom għal darbtejn jew tlett darbiet. Tlett pajjiżi, li huma l-Awstralja, il-Kanada u l-Ġappun għamlu ordnijiet ta’ tilqim aktar mill-popolazzjoni tal-Amerika Latina u l-Karibew flimkien.

Pajjiżi fqar mhux f’pożizzjoni li jixtru tilqim

Għadd ta’ pajjiżi fqar ma jifilħux iħallsu l-prezzijiet għat-tilqim kontra l-Covid19. Dan wassal biex 94 pajjiż fqir jew sotto żviluppat jagħmlu ftehim ma’ Covax – li hi Public Private Partnership li fiha hemm għadd ta’ organizazzjonijiet mediċi internazzjonali. Imma anki hawn teżisti problema u dan għax din l-inizjattiva se tkun qed toffri biss tilqim lil popolazzjoni ta’ 20 pajjiż.

Il-pajjiżi fqar li se jirċievu t-tilqim se jispiċċaw iħallsu għat-tilqim  imma ma jafux metta se jaslu għandhom.  Il-Covax toffri prezz stima għal kull doza, imma min jixtriha imbagħad irid iġorr ir-riskju jekk din tkun ogħla, jekk it-tilqima ma taħdimx jew inkella jekk xi ħaġa tmur ħażin.

Sfortunatament is-sitwazzjoni hi dik li pajjiżi fqar se jispiċċaw ikunu dipendenti fuq għajnuna internazzjonali biex jakkwistaw it-tilqim bla ħlas jew bi prezz baxx.

Sport