Friday, April 26, 2024

Ritratti u filmati li ttieħdu u xxandru juru nuqqas ta’ kompassjoni u empatija

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-każ li kellna ftit jiem ilu fil-Belt Valletta fejn persuna ikkontemplat li ttemm ħajjitha,  liema każ spiċċa  b’filmati u ritratti jixxandru fuq portals tal-aħbarijiet u mezzi soċjali, wassal għal reazzjoni mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS). Mistoqsijin minn talk.mt dwar il-pubbikazzjoni tar-ritratti u l-filmati, fejn illum nafu ukoll li dawn wasslu għal żieda ta’ attentati ġodda f’temp qasir, l-FSWS qalet li  r-ritratti u filmati li ttieħdu u xxandru fuq il-mezzi tal midja soċjali minn persuni li kienu fil-madwar huma xhieda ta’ nuqqas ta’ kompassjoni u empatija lejn individwi li jkunu għaddejin minn mumenti diffiċli fil-ħajja tagħhom u kif ukoll lejn problemi psikjatriċi. 

L-FSWS qalet lil dan is-sit li “aġir bħal dan jista’ jindika wkoll illi hemm il-possibilità ta’ nuqqas ta’ għarfien fejn tidħol is-saħħa mentali tant illi sitwazzjonijiet bħal dawn illi rajna ma jiġux meqjusa bl-importanza li tkun mistħoqqa. Dan jista’ jwassal għal tfixkil lill-professjonisti u l-uffiċjali tas-sigurtà.”

Enfasizzaw li  “kull sitwazzjoni li tinvolvi l-ħajja ta’ bniedem għandha tittieħed bis-serjetà u ma jittieħdux riskji fejn nassumu illi il-persuna mhux ser tasal il ser twettaq l-att. L-anqas mhu aċċettat li persuna tiġi mżebilħa f’mument daqshekk vulnerabbli. Il-kummenti li kien hemm fil-filmati kienu wkoll tali li kważi bdew jisfidaw lill-persuna vulnerabbli biex twettaq l-aġir flok offra faraġ u sapport. Dan l-aġir hu nkwetanti ħafna u ma joffrix sens ta’ sigurtà lil min qiegħed isofri. Għaldaqstant irid isir iktar xogħol fejn il-poplu jkun edukat fuq il-problemi ta’ saħħa mentali u fejn jista’ jfittex għajnuna bit-tama li l-attitudni tinbidel għal waħda iktar pożittiva.”

Mistoqsin speċifikatament dwar ix-xandir ta’ filmati u ritratti tal-persuna f’mument delikat, l-FSWS qaltilna li “filmati bħal dawn jistgħu jħallu impatt fuq livelli differenti. Persuni li fi żmien jew ieħor ġieli ħasbu f’suwiċidju jista’ titqanqlilhom iktar ansjetà u tfixkilhom milli jfittxu għajnuna professjonali għax jemmnu li jistgħu jiġu imżebilħa kif rajna fil-filmati. Jistgħu ukoll joħolqu iktar stigma lejn is-saħħa mentali u talba għall-għajnuna meta hemm bżonn. Filwaqt li x-xogħol tal-ġurnalist m’għandux ikun imfixkel, wieħed għandu jieħu parir professjonali fuq kif inhu l-aktar għaqli jirrapporta sitwazzjonijiet daqshekk sensittivi.”

Sport