Bħal-lum ħames snin ilu, Dr Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta wara li fil-jum ta’ qabel kien inħatar Mexxej tal-Partit Laburista.
Żgur li meta ħa l-ġurament tal-ħatra Dr Abela ma kellux f’moħħu li se jaffaċċja kriżijiet bla preċedent bħalma kienet il-pandemija, il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna li ħolqot kriżijiet ekonomiċi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja, il-kunflitt fil-Lvant Nofsani u t-theddida għas-sliem globali. U proprju minn dawn il-ġrajjiet li ħareġ il-karattru proprju tal-Prim Ministru Abela, li jibqa’ man-nies u kemm jista’ jkun itaffi l-piżijiet ta’ dawn l-avvenimenti li ġew fuqna għall-għarrieda.
Iżda dawn il-ħames snin ma kinux ikkaratterizzati biss minn sfidi iżda wkoll minn riformi f’diversi oqsma ta’ governanza, soċjali u ekonomiċi li tejbu l-operat tal-istituzzjonijiet u anke l-kwalità tal-ħajja tan-nies. B’dawn ir-riformi, pajjiżna kompla miexi ’l quddiem u saħansitra jaddatta mal-iżviluppi li jseħħu minn żmien għal żmien.
Il-Prim Ministru huwa l-Kap tal-Gvern u fuqu hija r-responsabbiltà ta’ liema destin irid jieħu l-pajjiż, skont ix-xewqa tal-poplu. Nemmnu li l-Prim Ministru ma marx lura minn dan l-irwol. Pjuttost li żamm ma’ dak li wiegħed tant li l-proposti tal-manifest elettorali li bihom intrebħet l-elezzjoni mill-Partit Laburista, fil-parti l-kbira tagħhom ġew imwettqa.
Mhux hekk biss. Imma ħatar persuna fil-Kabinett li tkun responsabbli mit-twettiq tal-istess proposti. Din il-kariga ġiet esegwita wkoll fi ħdan il-Partit Laburista bil-ħatra ta’ Delegat Speċjali tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista dwar l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali.
F’dawn is-snin, Malta kabbret ir-reputazzjoni tagħha fix-xena internazzjonali. Tant li ppresediet kemm il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħuqa u anke dak tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).
Għalkemm mhux kollox kien ward u żahar, b’danakollu l-poplu Malti baqa’ miexi ‘l quddiem megħjun mill-għadd kbir ta’ servizzi soċjali mħabbra f’Budget wara l-ieħor, riflessjoni ta’ ekonomija b’saħħitha li qed tkompli tikber minkejja kollox.
Għalhekk nemmnu li l-Prim Ministru se jżomm mad-dikjarazzjoni tiegħu stess li pajjiżna jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġà sar, għamlu min għamlu. Dan għandu għax jimlina bil-kuraġġ u jqawwilna qalbna illi l-ġejjieni se jkun ferm aħjar minn dak li pajjiżna għadda minnu s’issa, fejn se nkomplu naraw kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.