Wednesday, April 24, 2024

Robert Lewandowski se “jilbes” il-kuluri tal-Ukrajna fit-Tazza tad-Dinja

Aqra wkoll

Il-kuluri tal-Ukrajna se “jintlibsu” minn Robert Lewandowski matul it-Tazza tad-Dinja fil-Qatar hekk kif l-attakkant juri solidarjetà man-nazzjon.

Il-captain tal-Polonja, Lewandowski, se jilbes il-kuluri tal-Ukrajna fit-Tazza tad-Dinja fil-Qatar, wara li rċieva faxxa speċjali ta’ captain mingħand Andriy Shevchenko.

L-attakkant ta’ Barcelona ltaqa’ ma’ Shevchenko fl-istadium nazzjonali ta’ Varsavja fejn ingħata l-faxxa safra u blu, li se jilbes fit-Tazza tad-Dinja biex tirrappreżenta lill-Ukrajna, li ma kkwalifikawx.

Wara l-invażjoni tar-Russja li ilha għaddejja minn Frar li għadda, miljuni ta’ ċittadini ġew mġiegħla jaħarbu mill-pajjiż u ħafna vvjaġġaw lejn il-Polonja, li f’dan l-istaġun ospitat ukoll il-partiti taċ-Champions League ta’ Shakhtar Donetsk.

Filwaqt li l-Ukrajna mhux se tilgħab fil-Qatar, Lewandowski wiegħed li juri l-kuluri tagħhom meta joħroġ fil-grawnd f’turija ta’ solidarjetà ma’ min qed ibati, wara li ltaqa’ ma’ Shevchenko ma’ Laureus Sport For Good.

“Se nġorr il-kuluri tal-Ukrajna fit-Tazza tad-Dinja. Bħala player u ċittadin Pollakk, qed nappoġġja l-paċi u nemmen li ġesti simboliċi bħal dawn huma importanti,” tenna Lewandowski.

“Nemmen li bħala atleti għandna nużaw il-qawwa tal-isport biex nibagħtu messaġġ għall-ġid komuni. Se nieħu l-faxxa ta’ Andriy miegħi fit-Tazza tad-Dinja f’Novembru li ġej biex nibgħat messaġġ li l-Ukrajni mhumiex waħedhom u mhux se jintesewx.”

Min-naħa tiegħu, Shevchenko irringrazzja lil Lewandowski għall-wegħda tiegħu, u qal: “Għalija, il-faxxa ta’ captain hija simbolu ta’ tmexxija, saħħa u passjoni għal pajjiżek. Irrid ngħaddi din il-faxxa lil Robert biex nirringrazzjah għall-appoġġ, il-vuċi u l-pjattaforma tiegħu fl-appoġġ  għall-pajjiż tagħna li huwa turija għall-paċi.”

Il-Polonja tibda l-kampanja tat-Tazza tad-Dinja fit-18 ta’ Novembru kontra l-Messiku qabel ma tilgħab kontra l-Arġentina u l-Arabja Sawdita fi Grupp Ċ.

Sport