Rumen ta’ 27 sena mistenni li jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej quddiem il-Maġistrat Dr Jean Paul Grech fejn se jiġi akkużat b’sensiela ta’ serq minn diversi ħwienet li jbiegħu l-mobiles.
Il-Pulizija arrestaw lir-Rumen wara li ġie dentifikat wieħed mill-allegati ħallelin li jifforma parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata.
Fi stqarrija l-Pulzija qalu li mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li s-serq seħħ fix-xhur tas-sajf tal-2023, bil-ħallellin jiżgassaw il-bieb ta’ barra tal-ħwienet u f’temp ta’ sekondi jbattlu l-ixkaffef mill-mowbajls u jaħarabu minn fuq il-post.
B’kollox, l-ammont misruq f’apparat elettroniku jilħaq il-€180,000.
L-investigazzjonijiet bla waqfien wasslu biex sar magħruf li dawk involuti x’aktarx huma Rumeni u minnufih inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-konfront tagħhom. Fl-aħħar jiem, wieħed mill-ħallellin ġie identifikat u kien arrestat fir-Rumanija permezz tal-mandat u fl-aħħar sigħat ġie estradit lejn Malta.
L-istqarrija tgħid li “dan l-arrest jimmarka żvilupp sinifikanti fl-investigazzjoni, bil-Pulizija qed tkompli tfittex il-bqija tal-membri tal-grupp.”