Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Minn mindu kont tifla żgħira dejjem kont inħobb niġri u ntellaq ma’ sħabi. Minn dejjem kont inħobb dik l-emozzjoni. Kelli l-opportunità nibda nipprattika dan l-isport fl-età ta’ tnax-il sena, u mill-ewwel żviluppat imħabba kbira lejn l-atletika, speċjalment meta bdejt nara li bit-taħriġ kont qed nitjieb. Dak is-sodisfazzjon li bis-sagrifiċċju kont qed nara riżultati sbieħ kompla jkabbar l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport. L-atletika tatni ħafna opportunitajiet u esperjenzi li ffurmawni kemm bħala atleta kif ukoll bħala persuna.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Proprju fil-jiem li għaddew, ħriġt mill-irtirar wara waqfa twila, u mal-ewwel irritornajt għas-suċċess. X’tikkummenta?
Sa ftit ġimgħat ilu żgur li ma kontx qed noħlom dan ir-riżultat hekk mal-ewwel, speċjalment wara waqfa ta’ 12-il sena. Erġajt bdejt sempliċement biex nieħu gost niġri waqt li t-tifel jagħmel it-taħriġ tiegħu. Kien Mario Bonello li rani niġri u tani l-kuraġġ li għad għandi l-potenzjal nagħmel ħin tajjeb. Kien diffiċli nemmen li nista’ nerġa’ nasal għal dan il-livell wara tant snin ’il bogħod mill-kompetizzjoni.
X’suċċessi maġġuri oħra rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Tul il-karriera tiegħi ksibt diversi suċċessi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll f’kompetizzjonijiet barra minn Malta. Fost l-akbar suċċessi kien hemm li kont l-Atleta tas-Sena fis-snin 2005, 2006, 2011 u 2012, kif ukoll l-Isportiva tas-Sena fl-2011 u 2012. Kelli wkoll l-opportunità nirrapreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet importanti bħal World Championships, European Championships u l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. L-aktar esperjenzi speċjali għalija kienu l-Commonwealth Games u l-Olimpjadi tal-2012 f’Londra.
Ksibt ukoll diversi midalji fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar:
Andorra 2005
– 2 post, 4x100m relay
– 2 post, 4x400m relay
Monaco 2007
– 2 post, 4x100m relay
– 3 post, 4x400m relay
Liechtenstein 2011
– 2 post, 100m (NR)
– 1 post, 200m
– 1 post, 4x100m relay (NR)
Ir-rappreżentanza ta’ Malta kienet dejjem unur kbir għalija, u huma mumenti li nibqa’ ngħożż.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li l-livell qed jitjieb, speċjalment bil-parteċipazzjoni dejjem tikber u aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Sar aktar investiment u dan qed jgħin għall-progress. Hemm ħafna talent, u jekk nibqgħu ninvestu fl-atleti u fl-istruttura, nistgħu nkomplu naraw aktar żvilupp.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Naturalment dejjem hemm spazju għal titjib, speċjalment fejn jidħlu faċilitajiet u riżorsi. Pereżempju, bla dubju jkun ta’ għajnuna kbira kieku jkollna indoor track f’Malta. Imma fl-istess ħin qed isir xogħol biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem, u dan huwa importanti għall-futur tal-isport.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fl-atletika? Għad narawk tieħu sehem f’iktar kompetizzjonijiet wara li ħriġt mill-irtirar?
Bħalissa qed nieħu kollox pass pass. L-għan tiegħi hu li nibqa’ b’saħħti, nieħu pjaċir nikkompeti u nkompli ntejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi. Jekk kollox imur sew, iva, nixtieq inkompli nieħu sehem f’iktar kompetizzjonijiet.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Il-messaġġ tiegħi hu li ma taqtgħux qalbkom. L-isport jitlob ħafna dedikazzjoni, imma jagħtik lura ħafna aktar. U anke jekk il-ħajja tinbidel minħabba xogħol, familja u impenji oħra, xorta tista’ ssib ħin biex tagħmel dak li tħobb. Importanti li tibqgħu temmnu fikom infuskom u tieħdu gost fil-proċess.
Il-fatt li ssib ħin għalik u tagħmel affarijiet li jagħtuk sodisfazzjon jgħinek tkun persuna aħjar u aktar kuntenta, u dan jirrifletti ruħu wkoll fl-aspetti l-oħra tal-ħajja.

