Donald Trump indirizza lill-partitarji tiegħu fi Florida fejn ħabbar li rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali Amerikana. Fl-ewwel diskors tiegħu, huwa rringrazzja lill-poplu Amerikan tal-unur li eleġġih bħala s-47 President tal-Istati Uniti.
Trump qal ukoll li se jkun qed jaħdem biex il-pajjiż ifiq. “Se niġġieldu għalik, għall-familja tiegħek u għall-futur tiegħek. Din se tkun tassew l-era tad-deheb għall-Amerika.”
Huwa ddeskriva din ir-rebħa bħala waħda sinifikanti li se terġa’ ġġib lill-Istati Uniti f’qagħda b’saħħitha. Qal li rebaħ stati bħala North Carolina, Pennsylvania, Georgia u Winsconsin li kienu meqjusa bħala stati li setgħu jintrebħu minn naħa jew oħra.
Trump ipproġetta li se jkun rebaħ l-elezzjoni b’minn tal-inqas 315-il vot mill-Kulleġġ Elettorali meta 270 huma biżżejjed biex persuna tiġi eletta President. Fl-istess waqt, jidher li huwa rebaħ ukoll il-vot popolari.
Fost in-nies li rringrazzja kien hemm martu Melania li issa bir-rebħa tiegħu saret il-First Lady Amerikana. Huwa rringrazzja wkoll lil uliedu u awgura lill-Viċi President il-ġdid JD Vance.
Aktar kmieni: Sa issa kollox jindika li Donald Trump qiegħed fuq quddiem
Matul il-jum tat-Tlieta kienu miljunii ta’ Amerikani li rħewla sabiex imorru jivvutaw fl-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti. Intant fil-ħin li għadda bdew jingħaddu l-voti u sa issa kollox jindika li l-eks President Donald Trump qiegħed fuq quddiem biex jiġi elett president.
Midja internazzjonali rrapurtat li Trump mistenni jirbaħ l-istat ta’ North Carolin u dak ta’ Georgia, liema żewġ stati huma meqjusin bħala tnejn importanti li jintrebħu minn kandidat jew ieħor.
S’issa Trump rebaħ 246 tal-voti tal-elettorat. Dan filwaqt li Harris rebħet 187 tal-voti tal-elettorat. Sabiex kandidat jirbaħ it-telliqa presidenzjali, għandu bżinn 270 vot.
Dan is-sit se jkun qiegħed jaġġornakom b’dak li qiegħed jiġri.