Wednesday, April 24, 2024

Sal-lum ingħataw miljun doża tal-vaċċin tal-Covid f’pajjiżna

Aqra wkoll

Pajjiżna laħaq mira importanti oħra fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19 hekk kif b’kollox s’issa ngħataw miljun doża tal-vaċċin tal-Covid-19.

Filwaqt li ħabbar dan fuq il-midja soċjali, id-Deputat Prim Ministru u Ministu għas-Saħħa Chris Fearne għal darb’oħra appella lill-pubbliku biex jaċċetta l-istedina u jieħu l-booster.

B’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Prim Ministru Robert Abela qal li din hija kisba li mhix żgħira frott id-deċiżjonijiet ambizzjużi li ttieħdu fil-ħin. Qal li fuq kollox din hija kisba li kienet possibbli grazzi għall-eluf ta’ ħaddiema li qed jamministraw il-programm ta’ vaċċinazzjoni. “Ta’ dan ngħidilhom grazzi. Però l-ikbar grazzi tkun billi dak li ksibna nieħdu ħsiebu u nikkonkorru wkoll għall-booster,” qal il-Prim Ministru.

Mill-aħħar tax-xahar li għadda dawk il-persuni kollha li għandhom ‘il fuq minn 50 sena setgħu jirreġistaw għall-booster u kif tħabbar ftit tal-jiem ilu, fil-ġimgħa tal-Milied jistgħu jibdew jirreġistraw dawk il-persuni li għandhom minn 35 sena ‘l fuq.

Meta tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija waqt programm televiżiv, id-Deputat Prim Ministru qal: “l-ewwel doża tagħtik immunità għal perjodu qasir. It-tieni doża tagħtik immunità għal perjodu bejn erba’ u sitt xhur. Il-booster jidher li se tagħtik immunità għal mill-inqas sena. Dan ifisser li mbagħad jiġri bħall-influwenza darba fis-sena, nieħdu t-tilqima tal-Covid ukoll. Bil-booster jekk il-poplu jikkopera biżżejjed daqskemm ħadna l-ewwel u t-tieni doża f’Malta mhux se jkollna problemi.”

Sport