Sunday, December 22, 2024

“Saltna tad-dritt robusta hi katalista biex tattira investiment ta’ kwalità lejn pajjiż”

Il-PM Robert Abela f’laqgħa mad-delegazzjoni tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili fi ħdan il-Parlament Ewropew

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmen li l-akbar riforma li saret minn Jannar tal-2020 lil hawn kienet il-bidla fl-attitudni u fil-kultura tal-mod kif inħarsu lejn is-saltna tad-dritt.”

Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa li kellu mad-delegazzjoni tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili fi ħdan il-Parlament Ewropew fil-Berġa ta’ Kastilja. 

Il-Prim Ministru beda biex qal li din l-amministrazzjoni qiegħda tkompli fejn bdiet f’Jannar tal-2020 u l-prijorità ewlenija tagħha kienet is-saltna tad-dritt.

Huwa enfasizza li saltna tad-dritt robusta hi katalista biex ikun attirat investiment lejn pajjiż. “Investiment serju jħares lejn ġurisdizzjoni serja. Dak huwa li xtaqna nattiraw lejn pajjiżna. Li pajjiżna jkollu qafas tas-saltna tad-dritt b’saħħtu biex nattiraw aktar investiment ta’ kwalità.”

Il-Prim Ministru qal ukoll li saltna tad-dritt robusta tikkaratterizza l-proġett Ewropew u l-valuri li dan jirrappreżenta. Kompla jgħid li fuq is-saltna tad-dritt sar ħafna xogħol f’pajjiżna però għad fadal xi jsir.

Huwa rrefera għall-bidliet li daħlu fis-seħħ anke fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja fosthom il-bidla fil-ħatra tal-ġudikatura fejn l-Eżekuttiv m’għandu l-ebda rwol f’din il-ħatra. L-istess fil-ħatra tal-Prim Imħallef fejn dan issa jrid jinħatar b’żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentati. 

Huwa tkellem ukoll dwar ir-riforma fil-metodu ta’ kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija. Qal li llum hemm proċess b’sejħa pubblika segwit bi skrutinju mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u eventwalment il-kandidat preferut jintbagħat għal grilling quddiem Kumitat Parlamentari. 

Qal ukoll li ssaħħet il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni filwaqt li l-President tar-Repubblika se jinħatar bil-vot taż-żewġ terzi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Dan filwaqt li rrefera għas-segregazzjoni tal-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali minn dawk tal-Avukat tal-Istat. 

Il-Prim Ministru żied jgħid li “kellna rapport tal-Moneyval li jitkellem dwar defiċjenzi strutturali fil-pajjiż primarjament l-istrutturi kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Tlaqna u għamilna ħafna ristrutturar fis-sistema tagħna u rnexxielna nindirizzawh b’suċċess tant li ngħatajna ċertifikat ta’ approvazzjoni.”

Dwar l-FATF, Dr Abela nnota li Malta ngħatat wieħed mill-iqsar pjanijiet ta’ azzjoni li llum dan ġie indirizzat. Qal li issa jħares ‘il quddiem għall-plenarja f’Ġunju fejn wieħed jistenna li joħroġ dak ir-riżultat mixtieq.

Ma naqasx milli jitkellem dwar il-pandemija u s-suċċess li kellha Malta f’dak li huwa l-pjan ta’ vaċċinazzjoni. “Konna minn tal-ewwel li ġibna l-vaċċin u fl-istess ħin ipproteġejna l-ekonomija.”

Min-naħa l-oħra, huwa rrefera għall-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li kkonkludiet ir-rapport tagħha fejn ingħataw numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Gvern. Huwa qal li nħatar Kumitat ta’ esperti li jirrelata dwar is-settur tal-midja sabiex jipproponi lill-Gvern numru ta’ riformi li jħoss li huma xierqa għal dan is-settur.

Fl-istess waqt, il-Gvern ta lil dan il-Kumitat numru ta’ abbozz dwar il-protezzjoni tas-settur ġurnalistiku fosthom liġi Anti-Slapp. Huwa mistenni li l-ġimgħa d-dieħla l-Kumitat jagħti r-reazzjonijiet tiegħu għal dawn l-abbozzi. 

“Għamilna ħafna. Però fadal x’nagħmlu u se nibqgħu nagħmlu r-riformi. Għalkemm għandna l-isfidi, inkluż bl-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, is-saltna tad-dritt mhux se tingħata l-ġenb. Din qatt ma tista’ taqa’ lura. Trid tibqa’ prijorità għax hi l-katalista biex kull pajjiż jilqa’ b’suċċess għal dawn l-isfidi,” temm jgħid il-Prim Ministru. 

Ekonomija

Sport