Sunday, January 19, 2025

SALVAGWARDJI KONTRA L-ABBUŻ

Aqra wkoll

“Ħu l-fama u mur orqod.” L-antiki kienu jieħdu ħsieb li jsammru dan il-qawl Malti fl-imħuħ taċ-ċkejknin tagħhom sa minn età żgħira, biex jieħdu ħsieb jikbru jipproteġu r-reputazzjoni tagħhom. Għaliex jekk titlef ir-reputazzjoni tiegħek x’jifdallek?

Aħna nemmnu li jidher li nies bħal Jason Azzopardi, ma tgħallmux dan il-prinċipju bażiku jew agħar min hekk ma tantx jimpurtahom jieħdu ħsiebu. F’dawn l-aħħar jiem l-Avukat tar-Repubblika kompla bil-gwerra tiegħu kontra Ministri Laburisti u jixħethom taħt inkjesta maġisterjali. Drajna issa kważi kważi b’inkjesta kuljum.

Madankollu Azzopardi qed jibqa’ jagħmel dan minkejja li dan l-aħħar spiċċa kellu jibla’ kliemu u jammetti li kien żbaljat meta allega akkużi serji fil-konfront ta-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol. Lanqas hija l-ewwel darba li għamel dan. Ftit xhur ilu l-Qorti tat raġun lid-Deputat Laburista Carmelo Abela f’kawża ta’ libell li dan għamel lill-istess Azzopardi wkoll fuq allegazzjonijiet mill-aktar serji. Qablu kienu rtirati wkoll allegazzjonijiet minnu fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici f’kawża ta’ libell separata.

Nemmnu li b’dan kollu issa Jason Azzopardi ħadha l-fama. Fama li nemmnu li hi li tħammeġ u ttappan ir-reputazzjonijiet, jekk mhux ukoll karrieri ta’ persuni validi fil-politika ta’ pajjiżna. 

Nemmnu li mma huwa propju għax Jason Azzopardi ma jiddejjaqx jibqa’ għaddej b’dan l-aġir perikoluż, li l-Gvern għandu jintervjeni biex dan l-abbuż jinqata’ darba għal dejjem. Għalhekk ir-riforma fil-proċess tal-inkjesti li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela b’reazzjoni għal dan kollu hija bżonnjuża għaliex filwaqt li mhu se tnaqqas l-ebda dritt leġittimu taċ-ċittadini, se tassigura wkoll li jkun hemm salvagwardji favur ġustizzja ġusta u salvagwardji fil-konfront ta’ persuni ġenwini.

Int li qed taqra dan l-editorjal illum. Immaġinak għada jkollok lil ibnek jkun suġġett għal inkjesta maġisterjali għaliex sempliċiment xi ħadd ikollu għalih. Dan minkejja li l-allegazzjonijiet ma jkunux minnhom u jkunu intiżi biss biex jinkwetawh u jiskomodawh. Immaġinak qatt ma tkun irfist għatba tal-Qorti u tispiċċa tagħmel xhur jekk mhux snin tiela’ u nieżel sabiex xi darba tnaddaf ismek wara xhur ta’ ħsara li tkun saritlek.

Huwa propju b’hekk li din ir-riforma hija waħda f’lokha. Hija flokha wkoll għaliex minkejja dak li qed jipprovdi jsostni u jispinja l-Partit Nazzjonalista, mhu se tnaqqas l-ebda dritt taċ-ċittadini Maltin jew Għawdxin jekk dejjem ikun leġittimu li jsaqsi biex tinfetaħ inkjesta. Minflok se toffri aktar salvagwardji favur dawk il-persuni onesti sabiex biex ħadd bi skop malinn ma jagħmel ħsara bl-iskuża tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Anke l-Partit Nazzjonalista jaf li dan hu minnu madankollu nemmnu li sfortunatament jidher li Bernard Grech u l-Partit li jmexxi mill-ġdid reġgħu maħkuma minn faxxa estremista ta’ nies li għalihom il-ġustizzja hija biss għodda li tużaha kif u meta jaqblilha. 

Kieku kif Jason Azzopardi dakinhar li rira l-allegazzjonijiet, sab refuġju biss fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista? Kieku kif l-istess Partit Nazzjonalista ħareġ jiddefendi lill-għaqda Repubblika li issa nies fi ħdanha bħal ħu Karol Aquilina jinsabu taħt investigazzjoni b’rabta ma’ leaks minn inkjesta? Kieku kif Bernard Grech bħala Kap Nazzjonalista li jgħid li jemmen ħafna fl-indipendenza tal-ġudikatura ma ċanfarx lill-istess għaqda talli ħarġet mill-ġdid tattakka Maġistrat talli ħarġet b’deċiżjoni li ma jaqblux magħha?

Il-Partit Nazzjonalista għandu ħafna għaliex iwieġeb però jaf issa jkun tard wisq għax bħal Jason Azzopardi, issa mal-elettorat hemm barra wkoll ħa l-fama.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport