San Giljan irritornaw għar-rebħ u fejn żammew it-titlu ta’ Champions tal-Kampjonat BOV Waterpolo tax-Xitwa fil-kategorija Premier li rebħu wkoll is-sena li għaddiet.
Il-Ġiljaniżi, b’tim magħqud rebħu dan l-unur b’distakk ta’ 6 punti fuq Sliema li aktar kmieni dis-sena ħarpu rebbieħa fl-Enemed Cup.
B’vantaġġ ta’ 3 punti fuq Sliema qabel l-aħħar logħba tal-kampjonat BOV tax-Xitwa, San Ġiljan kellhom bżonn għallinqas draw biex jiksbu t-titlu.
Wara l-ewwel nofs bilanċjat tal-logħba fejn il-Ġiljaniżi marru għall-mistrieħ b’ditakk minimu fuq skor ta’ 6-5, San Ġiljan ħarġu b’saħħa fit-tielet sessjoni biex għalquha bi skor ta’ 10-6. Fl-aħħar sessjoni, rimonta ta’ Sliema rathom iġibu r-riżultat indaqs għal 11-11, fejn San Ġiljan tilfu lill-captain Matthew Zammit 3 minuti mit-tmiem biex il-logħba spiċċat bi draw ta 12-12 u dritt għall-ogħti tal-penalties. B’San Ġiljan diġa ċerti mit-titlu bil-punt miksub mid-draw, ma ddiżapuntawx u għalqu b’rebħa ta’ 16-14 biex jassiguraw ir-rebħ tal-kampjonat u jagħtu spinta meħtieġa lill-moral qabel il-kompetizzjonijiet tas-Sajf.
Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta, akkumpanjat minn Karl Izzo, President tal-Assoċjazzjoni tal-iSport Akkwatiku ta’ Malta ppreżenta t-Tazza tal-Kampjonat BOV Water Polo tax-Xitwa lil San Giljan quddiem il-folla mdaqqsa ta’ partitarji leali ta’ San Giljan fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
Il-Water Polo jgħaqqad l-imħabba tal-poplu Malti għall-ilma u l-isports kompetittiv, u l-Bank of Valletta huwa kburi li jappoġġa waħda mid-dixxiplini sportivi favoriti tal-Maltin permezz tal-kollaborazzjoni fit-tul tiegħu mal-Assoċjazzjoni tal-iSport Akkwatiku ta’ Malta.