Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li fiż-żmien li ġej se jinbnew żewġt idjar ġodda għall-anzjani fil-lokalitajiet tal-Imsida u l-Mosta filwaqt li se jsir xogħol ta’ rinovar estensiv fid-djar ta’ Bormla, iż-Żejtun, il-Floriana u Zammit Clapp fost oħrajn.
Huwa qal dan f’diskors li għamel fil-Parlament fejn issuġġerixxa wkoll li l-ibliet u l-irħula tagħha jkomplu jinvestu u jsostnu aktar ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani sabiex isiru hubs fejn jisfruttaw kunċetti ta’ lifelong learning bħal università tat-tielet u r-raba’ età u anke sports.
“Hemm bżonn inħeġġu aktar is-sehem attiv tal-anzjani fl-għaqdiet lokali u l-volontarjat. F’dan l-ambitu l-koperazzjoni mal-Kunsilli Lokali hija vitali,” qal il-Ministru Abela.
Huwa semma wkoll li t-trasport jaf jaqta’ qalb l-anzjani tagħna fil-komunità u għaldaqstant hemm bżonn ikunu attwati pjanijiet li jiggarantixxu aktar mobilità. “Qed naħdmu sabiex nintroduċu sistema ta’ vetturi eco-friendly li joffru traġitti fir-reġjuni sabiex jikkumplimentaw u mhux jikkompetu mal-linji u inizjattivi eżistenti.”
Il-Ministru Abela tenna wkoll li rridu nkomplu nsaħħu l-inizjattivi li jwieżnu l-anzjani fi djarhom bħal dak tal-meals-on-wheels, home help, tat-telecare li jinkludi on the move u tal-live-in carers. Fl-istess ħin, huwa qal li rridu li l-potenzjal tar-residenza San Vinċenz de Paul jiġi sfruttat kemm jista’ jkun.
“Diġà ftehemna mal-Ministeri tas-Saħħa u l-Intern biex fuq bażi ta’ każ b’każ, nospitaw burnt out cases mill-isptar Monte Carmeli u l-facilità korrettiva fuq bażi kliniko-umanitarja. Mhux biss, imma ha nizviluppaw state of the art Geriatric Day Hospital mghammar bi fluoroscopy, ct scanner, hi-res ultrasound, laboratorjuu minor-op theatre sabiex isir il-hub ta’ kura speċjalizzata għal persuni ta’ aktar minn 65 sena,” tenna l-Ministru Abela.
Huwa żied jgħid li se jitwaqqaf id-Direttorat tad-Dimensja u se jiġi kkumplimentat il-kunċett uniku Malti tad-Dementia Intervention Team billi jieħdu t-tajjeb ta’ diversi mudelli barranin u jiġu adottati għall-ħtiġijiet tal-Għawdxin u tal-Maltin.
Barra minn hekk, se tkun qed issir ħidma biex tissaħħaħ l-Awtorità tal-Istandards sabiex tassew tiggarantixxi l-istandards li jixirqilhom l-anzjani tagħna.