Thursday, February 20, 2025

Se jitla’ fuq il-muntanja Toubkal biex jiġbor fondi għal proġett fl-Etjopja

Aqra wkoll

Alex Muscat hu eks plejer tal-futbol tal-ogħla livell li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Illum il-ġurnata hu għandu 40 sena u tul il-karriera tiegħu lagħab ma’ Lija Athletic, Balzan u Sliema Wanderers. Kien ma’ dawn tal-aħħar li kellu żmien twil meta bħala difensur lagħab 227 partita u skorja 26 gowl. Bħala tim nazzjonali Malti lagħab 36 logħba bejn l-2004 u l-2017 fejn deher 36 darba iżda qatt ma skorja gowl.

Riċentement Muscat weġġa’ l-cruciate u għalkemm bħalissa hu plejer irtirat, kien qed jilgħab fil-kampjonat tal-veterani. L-isport hu parti minn ħajtu u ried jagħmel xi ħaġa sabiex litteralment ma jagħmilx f’qalbu. Hu hawn li se jkun qed jagħmel missjoni insolita, dik li jitla’ l-muntanja Toubkal, l-ogħla parti fl-Afrika ta’ Fuq. Dan kollu se jkun qed jagħmlu ma’ sieħu Colin Bason li huwa wkoll kien involut fil-futbol.

Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Alex Muscat li tana aktar informazzjoni dwar dan il-vjaġġ u missjoni differenti mis-soltu.

“Kif għedtlek wara li sena ilu tajjart il-cruciate, kelli nieqaf mill-futbol u dan kollu xejn m’għamilni kuntent. Jien inqis l-isport bħala parti minn ħajti u ridt nara x’nagħmel sabiex nibqa’ attiv.”

Muscat jgħidilna li kien waqt logħba mill-kampjonat tal-veterani fejn kien qed jara xi partiti u hemmhekk tkellem mal-fundatur ta’ Sigma Foundation Keith Marshall fejn ħajru għal din it-tip ta’ attivita’. Dan tal-aħħar jagħmel ħafna treks u spedizzjonijiet biex jiġbru flus għal nies fil-Kenya.

“Fiżikament ridt nibqa’ għaddej u fl-istess waqt nagħmel xi ħaġa artikolari u kien proprju Keith li ħajjarni u semmieli l-muntanja Toubkal. Għalkemm irkuptejja mhux f’pożizzjoni soda, bdejt nagħmel it-taħriġ mal-ħabib tiegħu Colin Bason sabiex jippreparaw għal din il-missjoni li se sseħħ fis-17 ta’ Mejju li ġej.”

“Qed nagħmlu taħriġ bejn tlieta u erba’ darbiet fil-ġimgħa, anke għax l-altitudni ta’ dawn il-muntanji hi għolja u bla dubju dan jeffettwa mhux ftit in-nifs. Iżda fiduċjuż li kollox se jmur tajjeb.”

“It-tlugħ fuq il-Muntanja Toubkal mhix biċċa xogħol faċli, imma jien ninsab impenjat bis-sħiħ li nirsisti għal din il-kawża għax in-nies tal-Etjopja għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Bid-donazzjonijiet ġenerużi tagħkom, nistgħu niffinanzjaw dan il-proġett u nħallu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ ħafna familji li qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja.”

Alex Muscat qed jiġbor ukoll flokkijiet ta’ timijiet lokali mill-kampjonat Premier li huma ffirmati sabiex dawn eventwalment jiġu rkantati u jinġabru l-flus meħtieġa għall-proġett kbir li se jsir fl-Etjopja.

Finalment Alex irringrazzja lil dawk l-individwi li mhux biss bdew jagħtu l-ewwel donazzjonijiet iżda li b’xi mod qed jgħinu sabiex din l-ispedizzjoni ssir b’suċċess.

Sadanittant hu ried ifakkar fin-numru fejn wieħed jista’ jaċċessa u jagħti sehmu permezz ta’ donazzjoni fuq Revolut:

REVOLUT DONATION ALEX – 79730101

REVOLUT DONATION COLIN – 79012656

“Qed nitlob l-appoġġ tiegħek – kemm jekk hija donazzjoni żgħira jew taqsam dan il-messaġġ ma’ ħaddieħor. Kull kontribuzzjoni se tgħin biex tiffinanzja dan il-proġett, u l-appoġġ tiegħek se jġib tama u trasformazzjoni lil dawk fil-bżonn.”

Sport