Teżisti possibbiltá kbira li l-assistant coach ta’ Liverpool, Pepijn Lijnders, jista’ jsib ruħu fir-responsabbiltá tat-team ta’ Feyenoord jekk jintlaħaq ftehim bejn l-istess club Olandiż u Liverpool biex il-coach, Arne Slot (ritratt), jingħaqad mal-club minn Merseyside.
Il-media Olandiża qed issostni li Lijnders jinsab fuq il-lista mqassra ta’ Feyenoord hekk kif Slot jinsab pass ‘il bogħod milli jkun is-suċċessur ta’ Jurgen Klopp.
Slot huwa l-kandidat numru wieħed biex jiġi ngaġġat minn Liverpool u nhar l-Erbgħa li għadda għamlu approċċ formali wara li ħabbru li tilfu l-interess fuq il-coach ta’ Sporting Club de Portugal, Ruben Amorim, wara li dan, nhar it-Tlieta li għadda, mar Londra biex jitkellem ma’ West Ham.
Din il-laqgħa kienet mossa mill-aġent ta’ Amorim biex jixħet pressjoni fuq Liverpool hekk kif ħabbar li s-salarju mal-Hammers kien se jkun aktar minn dak li Liverpool kienu lesti li jagħtuh.
Iżda din il-mossa splodiet f’wiċċ l-aġent minħabba li Liverpool innotifikaw lill-ġurnalisti tal-fiduċja tagħhom biex immedjatament jippubblikaw li huma tilfu kull interess fil-coach Portugiż.
Min-naħa l-oħra, l-ewwel offerta ta’ Liverpool ma ġietx aċċettata minn Feyenoord. Dan minħabba li huma jemmnu li se jitilfu ġawhra u għaldaqstant qed jitolbu kumpens xieraq.
Il-veritá hija li Slot se jitlaq f’xi ħin, partikolarment b’rapporti fl-Olanda jindikaw li l-aġenti tiegħu diġà qed jaħdmu fuq l-aħħar dettalji ta’ kuntratt ma’ Liverpool.
Aktar minn hekk, Feyenoord huma kostretti li se jitilfu s-servizzi ta’ Slot u diġá qed jesploraw l-għażliet tagħhom biex jissostitwixxu lill-Olandiż u Lijnders huwa parti minn din il-lista minħabba li huwa jgawdi rispett kbir f’dan il-pajjiż.
Meta f’Jannar Klopp ħabbar li fi tmiem l-istaġun se jitlaq lir-Reds, Lijnders kien għamilha ċara li b’rispett tal-coach Ġermaniż, huwa kien se jħalli l-club ukoll biex jingħaqad ma’ club ieħor u mill-ewwel ġie marbut ma’ Ajax Amsterdam.
Jekk Feyenoord jiddeċiedu li jaħtru lil Lijnders, ikun ifisser li jkollhom inaqqsu t-talba tagħhom minħabba li Lijnders għadu taħt kuntratt ma’ Liverpool.