Saturday, October 26, 2024

“Se naraw li jkollna bord tas-sajd li jirrappreżenta r-realtajiet u l-bżonnijiet tas-settur b’mod ħolistiku”

- Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

Aqra wkoll

“Se naraw kif nistgħu nsaħħu r-rappreżentanza tas-settur billi nirrikonoxxu d-diversità tiegħu u l-possibiltajiet futuri. Għall-ewwel darba fl-istorja se naraw li jkollna bord tas-sajd li jirrappreżenta r-realtajiet u l-bżonnijiet tas-settur b’mod ħolistiku”.

Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’diskors li għamlet fil-Parlament b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd. 

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegat li “qegħdin inwessgħu l-bord tas-sajd sabiex jilqa’ fih rappreżentanti ta’ għaqdiet tas-sajjieda illi sal-lum ma jistgħux ikunu parti minn dan il-bord.”

Qalet li b’dawn l-emendi kif proposti, kull kull ghaqda sew jekk hux kooperattiva jew NGO, se jkollhom rapprezentanza ugwali fil-Bord.

“Mhux hekk biss. Minbarra r-rappreżentanti minn dawn l-għaqdiet issa se niftħu l-kompożizzjoni tal-bord għal sajjieda li jissodisfaw kriterji differenti sabiex nassiguraw li verament ikun hemm fierxa wiesgħa tas-settur.”

Il-bord se jkun qed jara ż-żieda ta’: 

  • żewġ (2) membri li joperaw bastimenti tas-sajd ta’ anqas minn tnax (12)-il metru tul li ma jużawx irkaptu rmunkat; 
  • żewġ (2) membri li joperaw bastimenti tas-sajd ta’ anqas minn tnax (12)-il metru li huma suġġetti għal kwota tas-sajd ta’ ħut speċifiku;
  • membru wieħed (1) li jopera bastimenti tas-sajd ta’ tnax (12)-il metru tul jew aktar li jużaw irkaptu rmunkat; 
  • membru wieħed (1) li jopera bastimenti tas-sajd ta’ tnax (12)-il metru tul jew aktar li huma soġġetti għal kwota tas-sajd ta’ ħut speċifiku;
    u
  • żewġ (2) membri li joperaw bastimenti tas-sajd li huma awtorizzati għas-sajd tal-lampuki bil-kannizzati: 
  • Tal-anqas wieħed (1) minn tali membri għandu jkollu erbgħin (40) sena jew anqas:
    u
  • Tal-anqas wieħed (1) minn tali membri għandu jkun ta’ ġeneru femminili.”

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet ukoll li b’dawn l-emendi, is-sajjieda żgħażagħ se jkollhom vuċi fil-bord tas-sajd. Tenniet li “rridu li kull vuċi ta’ sajjied, żgħir kemm żgħir, kbir kemm hu kbir, ikollha l-opportunità li tasal f’din il-fora.”

“Irridu naraw ili l-bord tas-sajd jagħti l-lok u l-opportunità biex nilħqu kisbiet importanti fis-settur. Issa huwa ċ-ċans li nagħmlu dawn il-bidliet għax għada jaf ikun tard wisq,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport