Sunday, December 22, 2024

“Se nħossu n-nuqqas tat-tbissima u l-kelma soda tiegħu”… Is-Siġġiewi jsellem lil wieħed minn uliedu

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Illum wara nofsinhar, Fr Nicholas Cachia ngħata l-aħħar tislima ġewwa l-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi.

Il-qassis maħbub minn bosta persuna ħalla din id-dinja ft-28 ta’ Lulju ġewwa l-isptar JFK Medical Centre fi Florida, Miami fl-età ta’ 59 sena.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tiegħu kienet konċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna fejn fl-omelija tiegħu huwa qal: “Fr Nicholas żamm u għożż il-ġamra li fejqitu u ħeġġitlu qalbu. Dik il-ġamra li s-Serafin qabad minn fuq l-artal. Fr Nicholas sabha wkoll minn fuq l-artal tal-Ewkaristija ta’ din il-Parroċċa għażiża tas-Siġġiewi.”

Żied jgħid: “Kemm-il darba fil-ħajja tiegħu mhux biss bħala seminarista, imma wkoll meta ntbagħat jistudja f’Ruma, u wkoll meta rritorna lura Malta fid-djoċesi maħbuba tiegħu, id-disponibiltà tiegħu lejn l-isqfijiet li fihom kien jagħraf fidi kbira, il-vuċi tal-Mulej, li kontinwament qed jistaqsi: lil min se nibgħat? Fr Nicholas għal diversi drabi, anke jekk kultant b’diffikultajiet mhux zgħar, kien jħobb jirrepeti mingħajr ħafna diskors: Hawn jien, ibgħat lili.”

L-Arċisqof qal ukoll: “Meta sirt Isqof talabni li jissieħeb mal-familja tal-Istitute of Pastoral Formation li huma ddedikati għall-formazzjoni tas-semaristi u tas-saċerdoti. Kien qatta’ parti mis-saċerdozju tiegħu jsegwi u jmexxi tant nies fid-djoċesi u s-seminarju maġġuri ta’ Malta u meta telaq ħalla ħafna orfni. Ħalla ħafna nies iħossu n-nuqqas tat-tbissima ħelwa tiegħu u l-kelma soda tiegħu.”

Fr Nicolas, li kien mis-Siġġiewi ħalla lil bosta Siġġiwin imnikkta hekk kif iddeskrivewh bħala raġel mill-aqwa u qassis għaref b’qalb tajba tant li se jħossu n-nuqqas tat-tbissima tiegħu. Huwa se jibqa’ mfakkar f’dik il-lokalità hekk kif il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkun qed isemmi ġnien għalih.  Fil-bidu tax-xahar li għadda huwa għalaq 33 sena saċerdot.

Ekonomija

Sport