Friday, April 19, 2024

Tentattiv biex idur madwar Sqallija bir-rota f’inqas minn jumejn biex jiġbor flus għall-annimali

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fabio Spiteri, atleta magħruf ferm għall-isfidi tiegħu, ħabbar li se jkun qed jagħmel sfida oħra għal għan nobbli.

Dan hekk kif ix-xahar id-dieħel, bid-data prevista li tkun l-14 ta’ Settembru, huwa mistenni jdur bir-rota madwar Sqallija bil-għan li jagħmilha f’inqas minn 48 siegħa. Dan ifisser li b’kollox se jkun qed jagħmel kważi 1,000km b’elevazzjoni bħala tlajja’ ta’ 8,000m. Qalilna li sa issa persuna waħda rnexxielha tagħmel dan f’inqas minn 48 siegħa.

Ma’ dan il-ġurnal huwa qal: “Jien bażikament kont diġà għamiltha s-sena l-oħra pero minħabba l-Covid-19, il-pulizija ma ħallewnix nibqgħu għaddejin bil-lejl. Dan fisser li kelli nieqaf milli nsuq ir-rota bejn il-11.00p.m. u l-5.00a.m. u xorta kont għamiltha f’ħin ta’ 56 siegħa. Minn dik l-isfida kont ġbart madwar €21,000 għax-xelters tal-annimali.”

Żied jgħid: “Allura din is-sena għidt li nerġa’ nagħmilha u suppost m’għandux ikollna dawk l-isfidi li kelna marbuta ma’ restrizzjonijiet u curfews minħabba l-Covid-19. Jien dejjem xtaqt indur bir-rota madwar Sqallija mingħajr waqfien. Bla waqfien ma jfissirx li ma nieqaf xejn imma jfisser li ma norqodx, nipprova nibqa’ għaddej u pereżempju kull erba’ sigħat nieqaf dik in-nofs siegħa biex niekol u nagħmel ftit stretching.”

Spjega li jekk kollox imur sew huwa se jkun qed jagħmel din l-isfida fl-14 tax-xahar id-dieħel sakemm it-temp jippermetti u ma jkunx ħafna riħ. Huwa se jitlaq fit-12 ta’ Settembru flimkien mat-tim tiegħu li se jkunu miegħu permezz ta’ żewġ karozzi u mutur.

“L-għan ta’ dan kollu, apparti milli hija sfida għalija personali, għax minn dejjem nara nagħmilx xi sfida fit-tul, dejjem nabbinaha ma’ xi ħaġa b’għan nobbli u għalija dawn dejjem ikunu l-annimali. S’issa hemm madwar 18-il NGO tal-annimali li huma reġistrati f’Malta u l-flus li se niġbor se jinqasmu bejniethom. Apparti minn hekk hemm ukoll xelter tal-klieb ġewwa Canicatti fi Sqallija li qed jibnuh u nixtieq ngħinhom f’dan il-proġett.

Id-donazzjonijiet huma ferm importanti għax-xelters tal-annimali li jaffaċċjaw diversi sfidi biex iżommu l-post miftuħ u biex jixtru l-mediċini filwaqt li joffru kenn għall-annimali. Għalhekk, Fabio qed iħeġġeġ biex kull min jista’ jagħti donazzjoni lil dawn ix-xelters li jissarfu biex aktar annimali jkunu jistgħu jirċievu l-imħabba u ħajja aħjar.

Min jixtieq jista’ jibgħat fuq: Revolut: +356 99816248; Paypal: [email protected]; Paypal: https://paypal.me/RealAnimalRights?locale.x=en_US; BOV IBAN : MT40VALL22013000000050010082877; jew permezz ta’ SMS fuq 50617312 għal donazzjoni ta’ €2.33, 50618075 għal donazzjoni ta’ €4.66, 50618923 għal donazzjoni ta’ €6.99 jew 50619260 għal donazzjoni ta’ €11.65.

Sport