Thursday, April 25, 2024

Reġgħu dawru l-kanuni fuq Adrian Delia

Aqra wkoll

It-taħwid, il-konfużjoni u l-kunflitti fi ħdan il-kamp Nazzjonalista u l-alleati tiegħu qed ikomplu jkebbsu n-nirien tant li waslu biex anki jitqanfdu f’xulxin. Wara l-kantaliena li qabdu, fejn għal kull ħaġa ta’ xejn jinsistu li ministri u esponenti oħra tal-gvern għandhom jirriżenjaw kif qed jagħmlu bħalissa fil-kampanja tagħhom kontra l-Ministru Zammit Lewis, issa reġgħu dawru l-kanuni kontra l-eks kap tal-partit tagħhom stess Adrian Delia. 

Dan qed jagħmluh sabiex jeliminaw għalkollox kull traċċa tiegħu mill-Partit Nazzjonalista. Ma’ dan ingħaqdu wkoll l-għaqda Repubblika li stqarrew fehmithom illi jekk jirriżulta li konverżazzjoni mhux xierqa seħħet bejn Dr Delia u Yorgen Fenech, Adrian Delia għandu jtemm l-involviment tiegħu fil-ħajja pubblika ta’ pajjiżna.

Il-kampanja kontra Adrian Delia ma bdietx illum. Ilha għaddejja sa minn l-ewwel jum li Adrian Delia ġie elett Kap tal-PN f’Settembru ta’ erba snin ilu. Dan l-għan li jqaċċtu lil Delia minn kap laħquh f’Ottubru li għadda meta sfiduċjawh u ħatru minfloku lil Bernard Grech. Imma dan kollu ma kienx biżżejjed. 

Għadhom sal-lum jippersistu li Delia għandu jisparixxi mix-xena politika lokali. Imma hawn ta’ min jistaqsi; ladarba lil Adrian Delia neħħewħ minn kap tal-PN, xi skop hemm wara din il-kruċjata kollha kontrieh? X’inhu l-animu wara dan kollu? Tgħid forsi għaliex hemm min ma jridux jikkontesta l-elezzjoni fuq l-istess distretti miegħu? Min jaf! Nistennew u naraw.

Il-kanuni fuq Delia reġgħu ġew immirati nhar it-Tlieta li għadda 10 ta’ Awwissu, meta fuq is-sit elettroniku Lovin Malta deher rapport li fih jgħid li Yorgen Fenech stqarr li Adrian Delia kien jibgħatlu messaġġi waqt id-dibattitu dwar 17 Black. Delia minnufiħ caħad kategorikament dak li rrappurtat Lovin Malta u esiġa li tali gidba kontrieh tiġi rtirata minnufih.

Iċ-caħda kategorika ta’ Delia qanqlet bosta reazzjonijiet, favur u kontra, tant li persuna fuq Facebook staqsiet lil Delia għal min kien qed jirreferi bħala ġiddieb u qaltlu wkoll li Lovin Malta kienet biss qed tirrapporta dak li stqarr Yorgen Fenech. Delia wieġeb lura u qal li hu ma kien qed jgħajjar lil ħadd giddieb imma kien biss qed jgħid il-verità u sostna li min jagħmel allegazzjonijiet irid jippruvahom.

Il-battibekki ma naqsux tant li komplew jitkebbsu. Fix-xena daħlet ukoll persuna oħra li ħeġġet lil Delia biex jagħmlilhom libell b’Delia jwieġeb lura u jgħid li daqt jirnexxielu jkun jaf u juri min qed ixerred dawn il-gideb. Hawn daħal ukoll partitarju ieħor iħeġġeġ lil Delia biex ikompli jikxifhom ħalli kulħadd ikun jaf min huma t-tradituri tal-partit. 

F’kumment ieħor jingħad li wieħed irid jara biex jemmen u li jekk veru saru dawk ‘iċ-chats’ għandhom ikunu murija. Għal dan Delia stqarr illi dawk li qed ikomplu jagħmlu allegazzjonijiet għandhom huma jerfgħu r-responsabbiltà kollha.

Dawn il-manuvri kollha jikxfu iktar kemm il-PN huwa partit maqsum fih innifsu u ma jafx x’se jaqbad jagħmel. Tant huwa partit mifxul li flok qed joffri oppożizzjoni  denja u alternattiva għall-Gvern tal-lum qed ikompli jogħdos fil-glied intern u niżel f’livell diżilluż li jrid jgħaddi ftit taż-żmien biex joħroġ minnu u mis-sitwazzjoni prekarja li ħoloq huwa stess.

Intant, ilbieraħ sar magħruf minn Adrian Delia stess li huwa ppreżenta kawża ta’ libell kontra s-sit Lovin Malta fejn huwa mhux biss ċaħad dak li qed jallegaw imma talab lill-Qorti sabiex is-sit jinżamm responsabbli għall-allegazzjonijiet foloz li ppubblikaw.

Sport