Sunday, December 22, 2024

“Se nibdew il-proċess biex ikollna MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Issa li l-operat tat-tliet sptarijiet ġie f’idejn il-Gvern, mill-ewwel se nibdew bil-pjanijiet tagħna dwar it-titjib f’dawn l-isptarijiet. Wieħed mill-ewwel proġetti li se nvaraw fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex huwa illi b’mod immedjat se nibdew il-proċess biex ikollna MRI f’dan l-Isptar għall-pazjenti Għawdxin.

“Imbagħad se nkunu qegħdin nibdew diskussjonijiet u laqgħat mal-istakeholders kollha biex nitkellmu u nippreżentaw il-pjanijiet tagħna għall-immodernizzar tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-immodernizzar tal-isptar Karin Grech.”

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament wara li tħabbar li l-Gvern innotifika lil Steward Malta li se jkun qed jagħmel control step-in biex jieħu f’idejh l-operat tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa. 

Huwa beda biex fakkar kif il-ġimgħa li għaddiet, Steward avżaw lill-Gvern li kienu abbandunaw l-operat tal-isptarijiet. Dan wara li kienu appellaw mis-sentenza tal-Qorti Ċivili li annullat il-kuntratti kollha fuq dawn l-isptarijiet. 

Fearne qal li minn dakinhar sal-lum, saru diversi diskussjonijiet permezz tal-avukati taż-żewġ partijiet, dwar it-triq ‘il quddiem f’dan ir-rigward. Qal li lil Steward għamluhielhom ċara li l-Gvern ma kien se jaċċetta l-ebda kundizzjoni li huma riedu jimponu.

“Għaldaqstant biex nissalvagwardjaw l-interess nazzjonali u fuq kollox is-servizz u l-impjegati tagħna rrispondejna bl-avukati tagħna u dak li ppruvaw jimponu Steward m’aċċetajniehx,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa tenna li f’dawn l-aħħar ħamest ijiem is-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet baqa’ għaddej bl-istess mod li ilu għaddej għal dawn l-aħħar snin, b’mod li ma kien hemm interruzzjoni ta’ xejn.

“Il-Gvern ħa f’idejh l-operat tat-tliet sptarijiet. Dawn l-isptarijiet issa qed jiġu operati mill-Gvern. L-operat ta’ dawn l-isptarijiet se jibqa’ f’idejn il-Gvern,” enfasizza Fearne. “Dan għamilnieh mingħajr preġudizzju tal-kawża li hemm fil-Qrati, għas-sentenza jew l-appell li għad irid jinstema’.”

Huwa qal ukoll li se jkomplu jaħdmu biex is-servizz tas-saħħa fl-isptarijiet jibqa’ għaddej mingħajr interruzzjoni filwaqt li qed jiżguraw li l-impjiegi tal-professjonisti u l-ħaddiema kollha jibqgħu mħarsa kif inhuma. 

Dwar l-iskola medika ta’ Barts, id-Deputat Prim Ministru qal li kien tkellem mad-Dekan tal-istess skola, u assigura li din se tibqa’ topera ġewwa Għawdex u hemm prospetti sbieħ għaż-żmien li ġej.

Fearne kompla jgħid li minn din l-istorja “tgħallimna u għandna ħafna x’nitgħallmu. Għad irridu nisimgħu u ngħarblu dwar din l-istorja. Nindirizza lil dawk kollha ta’ rieda tajba, inkluż Laburisti li din l-istorja sewditilna naqra qalbna. Inserrħilhom rashom li l-Partit Laburista dejjem kien il-partit tas-sewwa. Dejjjem ħadem u bata għax emmen fis-sewwa u l-PL tal-lum għadu l-PL tas-sewwa u se jibqa’ l-partit tas-sewwa.”

Filwaqt li saħaq li l-passi u l-miżuri legali li għandhom jieħdu kontra Steward se jeħduhom, Fearne qal li fuq kollox issa għandna l-opportunità li s-servizz tas-saħħa nkomplu ntejbuh u nwasslu għal livell ta’ eċċellenza għax il-poplu hekk jixraqlu. 

Ekonomija

Sport