Thursday, March 28, 2024

Organizzazzjoni prominenti fl-esports se tirriloka f’pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri ħabbar li Furia, organizzazzjoni prominenti fid-dinja tal-esports, se tirriloka f’Malta.

Din l-organizzazzjoni, li twaqqfet fl-2017 u għandha strutturi fil-Brażil u l-Istati Uniti, u li hi waħda mill-aktar organizzazzjonijiet popolari fejn jidħlu kompetizzjonijiet tal-esports, se tkun qiegħda tirriloka it-tim tagħha CounterStrike f’pajjiżna.

Il-Ministru Schembri ħabbar dan waqt li llum żar l-ESL Pro League tournament, li issa jinsab fil-fażi finali u li qiegħed issir propju f’pajjiżna. “Emminna fil-potenzjal tal-esports għall-pajjiżna sa mill-bidu nett. Din hija industrija li globalment qed tlaħħaq il-$1.2 biljun u li qed tkompli tikber ta’ kull sena. Għaldaqstant li jkollok kampjonat bħall-ESL Pro League jittella’ propju f’pajjiżna, ikompli juri li Malta hija d-dar għall-eċċellenza fis-settur kollu tal-gaming,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

“Malta tibqa’ kommessa lejn din l-industrija ekonomika ġdida, u nibqgħu nkunu ta’ appoġġ lejn din l-industrija. Emminna li pajjiżna jista’ jkun il-post ideali minn fejn jiġu organizzati kampjonati tal-esports jekk ikollna infrastruttura b’saħħitha u hekk kien,” temm jgħid il-Ministru Schembri.

Ivan Filletti, is-CEO ta’ Gaming Malta, tkellem fuq il-ħidma li ssir bejn Gaming Malta, l-Awtorità Maltija għal-Logħob, u s-settur privat biex joperaw f’armonija minn pajjiżna. Huwa semma wkoll diversi kumpaniji lokali li qegħdin jagħmlu isem għall-pajjiżna fid-dinja tal-esports.

Min-naħa tiegħu, l-ESL Pro League Commissioner Alex Inglot qal li dan it-tournament ilaħħaq mal-500,000 utent fl-istess ħin waqt il-logħob. Huwa spjega li t-tournament f’pajjiżna jdum għaddej sitt ġimgħat, bil-qofol tiegħu jintlaħaq din il-ġimgħa, u matul dawn is-sitt ġimgħat f’pajjiżna kien hawn 338 ġugatur u 145 membru tal-persunal għal dan it-tournament.

Ekonomija

Sport