Thursday, December 26, 2024

Se tittella’ edizzjoni oħra tal-kunċert b’għan nobbli ‘A Night at the Palace’ fil-Palazz tal-Girgenti

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, ħabbret li nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Settembru fit-19:45, fil-Palazz tal-Girgenti se tittella’ edizzjoni oħra tal-kunċert ‘A Night at the Palace’. Dan il-kunċert b’għan nobbli se jittella’ bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

Dr Abela spjegat li waqt il-kunċert se jkunu qed jinġabru donazzjonijiet għas-santwarji tal-annimali fejn ta’ kuljum issir ħidma sfiqa favur l-annimali minn għadd ta’ voluntiera. Hija rringrazzjat lill-voluntiera kollha għad-dedikazzjoni tagħhom b’risq id-drittijiet tal-annimali.

Hija kompliet tispjega li min jixtieq jattendi għal dan il-kunċert jista’ jiġbor il-biljetti mingħajr ħlas mill-Berġa ta’ Kastilja (dħul minn Triq San Pawl, il-Belt), nhar il-Ħamis, 5 u l-Ġimgħa, 6 ta’ Settembru, mid-9am sa 12pm.

Dr Lydia Abela ħeġġet lill-pubbliku sabiex jattendi għal ‘A Night at the Palace’, u temmet tgħid li tħares ’il quddiem għal lejla memorabbli b’kunċert mill-isbaħ, u biex jintlaħaq l-għan nobbli li għalih qed jittella’ dan il-kunċert.

Tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Vanessa Mangion fejn stqarret li ‘A Night at the Palace’ huwa kunċert annwali li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta tagħti sehemha fih kull sena. Hija spjegat li r-repertorju tal-kunċert jinkludi kemm mużika ta’ kompożituri famużi fuq skala internazzjonali, kif ukoll siltiet ta’ kompożituri lokali.

Ekonomija

Sport