Sunday, May 5, 2024

Seba’ snin ħabs talli daħħal żewġ kilos kannabis

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena mill-Ghana kien ikkundannat seba’ snin ħabs u immultat €15,000 wara li ammetta, flok għadda ġuri, li daħħal f’Malta żewġ kilos kannabis.

Kien fil-lejl ta’ bejn it-12 u t-13 ta’ Marzu 2016 meta l-uffiċjali tad-Dwana fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqqfu lil Joseph Papa Smith li kien għadu kemm jasal fuq titjira minn Katanja.

Huma ġiehom suspett fih u meta staqsewh kellux xi ħaġa illegali għall-ewwel qalilhom li kellu ikel imma meta bdew ifittxulu ammetta li kellu d-droga.

Fil-bagalji nstabu ġakketta b’borża li kien fiha erba’ boroż oħra bid-droga li meta eżaminata rriżulta li kellha purita ta’ 6% u li kienet iġġib bejn l-€20,000 u l-€58,000.

Waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija huwa qal li ma kinitx l-ewwel darba li ġie Malta u li kien jixtri l-kannabis minn persuna fil-Belt li baqa’ ma identifikax min kienet. Skont hu kien dan ir-raġel li talbu jġibu d-droga minn Sqallija.

Wara li tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati l-każ għadda biex jinstema f’ġuri imma Smith ammetta quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti.

Sport