Pajjiżna llum għandu prijoritajiet ġodda li ħarġu mis-suċċess ekonomiku li nkiseb fl-aħħar snin. L-ekonomija Maltija hi waħda b’saħħitha u r-reżiljenza tagħha żammet ħafna min-negozji għaddejjin minkejja l-isfidi diversi li bosta minnhom kienu impurtati, fosthom l-inflazzjoni u l-prezziiet ogħla tal-enerġija.
Wieħed mis-settur ekonomiċi f’pajjiżna li fl-aħħar snin minkejja li iffaċċja wkoll bosta sfidi, iżda kompla jtejjeb il-kwalità tiegħu, kien is-settur tal-catering. Dan jirriżulta minn studju li għamel il-Prof Vincent Marmarà dwar is-settur tal-istabbilimenti tal-catering f’Malta għall-perjodu li jkopri minn Lulju sa Diċembru 2024.
L-istess studju kien ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) u involva 250 persuna li bejniethom operaw total ta’ 370 stabbiliment tal-catering.
Fis-sitt xhur li jkopri l-istudju, kien hemm ħafna mill-istabbilimenti li ddikjaraw tnaqqis ta’ 0.6% fil-bejgħ u allura fid-dħul tagħhom. Dwar x’jistennew fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, ir-riżultati huma kemmxejn kuntrastanti fejn 51 fil-mija qed ibassru tnaqqis fid-dħul tagħhom filwaqt li 38% qed jistennew li l-bejgħ tagħhom se jiżdied u jmur aħjar.
Kif qalet il-President tal-ACE stess, Michelle Muscat, li wieħed ikollu stabbiliment tal-catering, ma jfissirx biss li hu sid ta’ negozju, imma hija wkoll passjoni. Għalhekk huwa tajjeb u f’loku li l-Gvern qed dejjem jappoġġja lil din l-industrija.
Mingħajr din l-għajnuna mill-istat, din l-industtrija kienet tkun f’sitwazzjoni ħafna u ħafna agħar milli hi. F’dan il-kuntest ma nistgħux ma niftakrux fl-għajnuna tremenda li ngħatat lis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż dik tal-catering waqt il-pandemija tal-Covid.
Insemmu wkoll dak li qal ftit ilu d-Deputat Prim Ministru Ian Borg, li l-industrija tal-catering mhux biss hi settur tan-negozju imma wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija u mutur ewlieni għas-settur turistiku f’pajjiżna.
L-istess industrija tħaddem ’il fuq minn 10,000 persuna u b’hekk qed tikkontribwixxi b’mod sostanzjali lejn il-Prodott Gross Domestiku, fl-istess waqt li qed tipproteġi u tinkoraġixxi l-ikel tradizzjonali Malti.
Filwaqt li l-Gvern diġà għamel ħafna għal dan is-settur, nemmnu li l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista, bħalma dejjem għamel għandu jkompli jevalwa l-kwalità tal-ħaddiema tagħna fis-settur tal-ospitalità. Dan huwa kruċjali għal pajjiżna sabiex jagħmel il-qabża li jmiss fil-kwalità tal-prodott li jiġi offrut.