Sunday, October 27, 2024

SENA ĠDIDA

Aqra wkoll

Din is-sena ma tantx bdejnieha tajjeb minħabba l-qtil tat-tfajla Pollakka.  Il-qtil hu att serju ħafna.  Imma din id-darba dan kien imħawwar bil-kummenti ta’ mibegħda li spikkaw fil-medja soċjali.  

Din tal-kummenti ta’ mibegħda ilha għaddejja.  Sa ċertu punt tajjeb inqalgħet fl-Ewwel tas-Sena għaliex hekk tagħtina ċans li naraw x’nistgħu nagħmlu tul din is-sena.  Ir-raġuni hi li aktar ma ser inħallu dawn l-affarijiet għaddejjin mingħajr ma nieħdu passi biex insolvu din il-problema, aktar l-affarijiet ser jeħżienu.  Din ma kienitx l-ewwel darba li ttieħdu passi imma din id-darba kien hemm nies li għandhom ċerta pożizzjoni fis-soċjetà.

Għallanqas ser jittieħdu passi kontra xi nies għall-kummenti li għaddew.  Dan l-aħħar xhur rajna okkażjonijiet fejn ittieħdu passi wkoll minħabba l-kummenti fuq il-midja soċjali. Dan kien pass importanti għaliex ingħata sinjal li dawn l-affarijiet mhux soċjalment aċċettabli u li ser jittieħdu passi biex inwaqqfuhom. Aktar ma jittieħdu passi kontra nies li jkunu qed joħolqu mibegħda, li jinsulentaw lil ħaddieħor, li joħolqu fake news, li jibbulijaw lil ħaddieħor, li jinsulentaw razez oħra u li jħammġu lil oħrajn, aktar in-nies joqogħdu attenti.  

Qawl Ingliż jgħid prevention is better than cure.  U dan hu l-pass li jmiss.  Li nħarrġu lin-nies kif għandhom jużaw il-medja soċjali b’mod pożittiv.  Il-midja soċjali hi bħal sikkina – taqta’ miż-żewġ naħat.  Fuq naħa l-midja soċjali tista’ tkun ta’ għajnuna u benefiċċju lis-soċjetà imma, jekk tintuża ħażin, tkun ta’ ħsara sew fuq individwi u sew fuq is-soċjetà.  Fuq in-naħa t-tajba, rajniha f’dan iż-żmien ta’ pandemija.  Min użaha tajjeb, mhux biss żamm kuntatt ma qrabatu u ħbiebu, iżda kien ta’ għajnuna kbira għalihom.  Hu għalhekk importanti li rridu naraw kif inħarġu lin-nies kif jużaw il-medja soċjali tajjeb.  

Lil dawk li huma adulti, għalkemm diffiċli li tedukahom, lanqas hu impossibli.  Miżura li tgħin hi li jittieħdu passi kontra min ikun kiser l-etika.  Biss hemm bżonn li jibdew isiru programmi fuq il-midja kif għandha tintuża b’mod tajjeb.  Mhix kwistjoni li ngħidu biss li persuna għandha timxi sew.  Hemm bżonn ikun hemm programmi fejn jissemmew iż-żewġ estremi ta’ kif twassal messaġġ.  Jekk ma naqbilx ma’ xi ħaġa li qalha xi ħadd, jien nista’ noħloq argument kontra – argument kontra dak li ssemma mingħajr ma ninsolenta u ngħajjar u għalhekk ma noħloqx mibegħda lejn  ħaddieħor.  L-estrem l-ieħor hu li jien minflok inressaq l-argument tiegħi biex nuri li ma naqbilx ma’ xi ħadd b’argument differenti, ma nsemmi l-ebda argument u nattakka lill-persuna l-oħra billi ngħajjarha injoranta, stupida u li hi miġnuna.

Hemm sfera oħra fejn irridu naħdmu għaliex din qed toħloq l-istandards għal dawk li huma adulti.  Din hi l-isfera politika.  Dan is-settur qed joħloq l-istandards tas-soċjeta’ għaliex dawn huma l-mexxejja. Ħafna minnhom huma wkoll membri tal-ogħla istituzzjoni politika, il-Parlament.  Illum erġajna morna għaż-żminijiet tas-sittin fejn ħlief tgħajjir, kundanni u gideb ma kontx tara f’din l-isfera.  Illum sirna aktar professjonali għaliex il-Parlament hu mimli avukati u dawn filwaqt li ma jiddejqux li jħammġuk imma joqogħdu attenti li ma tkunx tista’ tieħu passi kontrihom.  Tattika li tintuża hi li jien minflok ngħajru b’mod ċar, nagħmillu mistoqsija.  Jekk irrid inħammġu billi ngħid li hu qed jirċievi flus minn taħt, nistaqsih, ‘Veru li int qed tirċievi flus minn taħt?’  Filwaqt li jekk ngħajru jista’ jtellagħni l-qorti u, jekk il-maġistrat ma jaħsibhiex mod ieħor, iġegħelni nġib provi ta’ dak li għidt fuq l-ieħor.  Dan ma jgħoddx meta jsiru kummenti bħal dawn fil-Parlament għaliex ma hemm, ħadd ma jista’ jmisshom.

Fuq it-tieni, jien ma nkun ksirt l-ebda liġi għaliex kull ma ngħid hu li jien staqsejt u kont lest li naċċetta t-tweġiba tiegħu.  Biss dan hu l-impatt legali għaliex pubblikament jien daħħalt f’moħħ in-nies li din il-persuna hi korrotta.  L-isfortuna hi li f’din l-sfera mhu qed isir xejn u kif jgħid il-qawl Malti l-eżempju jkaxkar.  U hekk qed jirġri.

Biss l-aktar li għandna  nenfasizzaw huma t-tfal li għadhom l-iskola.  Ir-raġuni hi li dawn ser jgħixu ħajja li hi kkontrollata bis-sistemi diġitali.  U dan narawh minn tfal ta’ sitt snin.  Diġà jafu jużaw tablet u għalihom dak li jaraw fuq is-sistema diġitali hi r-realtà.  Tajjeb li ngħallmu lit-tfal suġġetti bħal matematika, lingwi u aspetti oħra, imma llum hu essenzjali li nuru lit-tfal id-dinja diġitali – sew it-tajjeb tagħha u sew il-ħażin tagħha.  Hu importanti li nuru l-potenzjal ta’ din id-dinja imma hu wkoll importanti li nuru l-affarijiet abbużivi li qed isiru bl-użu ta’ din it-teknoloġija speċjalment lil dawk l-aktar vulnerabbli.  

Għalhekk nemmen li fil-kurrikulum, is-suġġett ta’ reliġjon għandu jinbidel għas-suġġett ta’ etika.  Ir-raġuni hi li għandu jkun hemm standard komuni għal kull ċittadin, minkejja li ċ-ċittadini jkollhom twemmin differenti.  L-etika dejjem kienet tinfluwenza kull suġġett għaliex l-imġiba ta’ kulħadd, inkluż il-professjonisti hi importanti. Biss fid-dinja diġitali hi aktar importanti għaliex din l-imġiba ma tidhirx għax hi moħbija wara xi programm diġitali, programm li n-nies komuni ma jafux kif qed juża din it-teknoloġija, ħlief li jaraw ir-riżultat li qed ifittxu.  Jekk persuna tkun qed tfittex fuq l-internet permezz ta’ programm fuq kif jaħdem ċertu prodott, il-programm jagħtih l-informazzjoni.  Il-persuna s’hemm tasal.  Biss wara tibda tistaqsi għaliex qed jitilgħu ħafna reklami sew ta’ dak il-prodott u ta’ prodotti simili. Dan isir għax din l-informazzjoni miġbura minn dak li staqsejt, ġiet mibjugħha lil ħaddieħor.  Hekk sew li din l-informazzjoni fuq persuna qed tinbiegħ?  U hawn tidħol l-etika.

Hu minħabba dan li l-etika għandha tkun aspett li jrid jiġi studjat f’kull suġġett, speċjalment fil-qasam diġitali fil-livell terzjarju.  

Bħal ma diġà ktibt.  Dak li ġara fil-bidu ta’ din is-sena xegħlet bozza ħamra fuq id-dinja diġitali.  Hemm bżonn li nieħdu ħsieb dan l-aspett biex inkunu nistgħu nużaw il-potenzjal tad-dinja diġitali b’moħħna mistrieħ.  

Sport