Sena ħabs għal raġel li nstab bid-droga moħbija fil-mutur wara inċident fil-Mosta

Aqra wkoll

Serb ta’ 38 sena ammetta disa’ akkużi relatati mal-pussess ta’ diversi tipi ta’ droga u reati tat-traffiku. Huwa ġie mmultat ukoll €3,000 u skwalifikat milli jsuq għal sena.

Raġel Serb ta’ 38 sena ġie kkundannat sena ħabs u mmultat €3,000 wara li ammetta li kellu fil-pussess tiegħu diversi tipi ta’ droga li nstabu moħbija fil-mutur tiegħu wara inċident tat-traffiku fil-Mosta.

Milos Miletic biddel il-verżjoni tiegħu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo l-Ħamis, meta wieġeb ħati għad-disa’ akkużi miġjuba kontrih, wara li inizjalment kien ċaħadhom waqt it-tressiq tiegħu l-Qorti x-xahar li għadda.

Fost l-akkużi kien hemm il-pussess tal-kannabis, raża tal-kannabis, kokaina, MDMA, ketamina, 2C-B u sustanzi psikoattivi oħra, f’ċirkostanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx maħsuba għall-użu personali tiegħu.

Miletic kien akkużat ukoll li saq mingħajr polza tal-assigurazzjoni u b’mod traskurat, negliġenti jew perikoluż fil-Mosta.

Id-droga nstabet wara li weġġa’ serjament f’inċident

Il-każ imur lura għad-29 ta’ Settembru, meta Miletic kien involut f’inċident bil-mutur fil-Mosta, li fih ġarrab ġrieħi serji.

Waqt l-investigazzjonijiet li saru wara l-inċident, il-Pulizija sabet diversi tipi ta’ droga moħbija f’kompartiment fil-mutur tiegħu.

Din is-sejba wasslet biex ir-raġel jitressaq il-Qorti u jiffaċċja disa’ akkużi.

Il-Qorti tqis il-fedina penali nadifa u l-ammissjoni tal-ħtija

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset il-fatt li Miletic kellu fedina penali nadifa, kif ukoll li ammetta l-akkużi fi stadju relattivament bikri tal-proċeduri.

Madankollu, il-Maġistrat osservat li r-reati li tagħhom instab ħati kienu jġorru piena ta’ priġunerija effettiva obbligatorja.

Għaldaqstant, Miletic ġie kkundannat 12-il xahar ħabs, filwaqt li ż-żmien li diġà qatta’ taħt arrest preventiv għandu jitnaqqas mill-piena.

Huwa ġie mmultat ukoll €3,000 u skwalifikat milli jsuq għal 12-il xahar.

Il-Qorti ordnat ukoll il-qerda tad-droga sekwestrata ladarba s-sentenza ssir definittiva, filwaqt li Miletic ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-esperti maħtura mill-Qorti.

Il-Maġistrat ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield, f’każ li jkun hemm bżonn li jiġu kkunsidrati proċeduri ta’ deportazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispetturi tal-Pulizija Jonathan Pace u Nathan Bugeja, flimkien mal-avukata tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Maria Francesca Spiteri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport