Monday, December 9, 2024

Sena oħra ċentinarja għall-Furjana

Aqra wkoll

Is-sena 2024 li bil-mod il-mod qed toqrob lejn it-tmiem tagħha, għall-Furjana u l-Furjaniżi kienet sena partikolari għax fiha tfakkar għeluq it-300 sena (1724-2024) ta’ din il-belt li għandha storja ferm akbar mid-daqs tagħha. Imma ċ-ċelebrazzjonijiet f’din il-lokalità mistennija jkomplu wkoll is-sena d-dieħla għaliex fl-2025 se jitfakkar ċentinarju ieħor li wkoll hu tant għal qalb il-Furjaniżi.

Fil-fatt is-sena d-dieħla jaħbat l-elf u disa’ mitt sena (1,900) minn meta fil-belt kapitali tal-Greċja, Atene, kien ingħata l-martirju l-Isqof ta’ dik il-belt f’dak iż-żmien, San Publju li hu wkoll il-Patrun tal-belt tal-Furjana u wieħed mill-ko-patruni  – flimkien ma’ San Pawl l-Appostlu u Sant’Agata – ta’ pajjiżna.

Skond it-tradizzjoni u kitbiet antiki, San Publju  kien inħatar minn San Pawl bħala l-ewwel Ragħaj Spiritwali tal-komunità ta’ insara f’Malta, qabel ħalla pajjiżna fi triqtu lejn Ruma. Wara xi żmien San Publju kien intbagħat Atene biex sar isqof t’hemmhekk wara li l-isqof ta’ qablu f’Atene, Dijonisju l-Arjopagita, kien ingħata l-martirju.

L-anniversarju tal-martirju ta’ San Publju minn żmien għal żmien kien jitfakkar mill-Furjaniżi, partikolarment f’ċerti anniversarji partikolari. Per eżempju għadhom jissemmew sal-lum il-festi kbar li kienu saru fil-‘belt ta’ Publju’ 99 sena ilu (fl-1925) biex tfakkar l-1,800 sena mill-martirju tal-ewwel qaddis Malti.

Bħala introduzzjoni għal dan l-anniversarju tas-sena d-dieħla, il-ħarġa ta’ Diċembru tal-gazzetta Furjaniża, ‘IL-FURJANA’ tinkludi żewġ kitbiet li waħda minnhom tittratta fit-tul proprju l-festi ċentinarji li kienu saru kważi mitt sena ilu fil-Furjana.

Il-kitba l-oħra hi dwar x’qed tippjana li torganizza s-sena d-dieħla l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta għal din l-okkażjoni. Il-kitiet huma akkumpanjati minn numru ta’ ritratti li wħud minnhom huma storiċi.

Din il-ħarġa ta’ ‘IL-FURJANA’, li hi r-raba’ u l-aħħar waħda għal din is-sena, tinkludi wkoll artiklu interessanti miktub minn Matthias Buhagiar dwar il-150 sena minn meta fil-Parroċċa tal-Furjana (u l-ewwel waħda f’Malta) bdiet id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes.

Fl-istess sena, jiġifieri l-1874, fil-Furjana wkoll kienet bdiet għall-ewwel darba f’Malta, devozzjoni oħra Marjana. Dik lejn il-Madonna tas-Sacro Cuor. Fl-aktar ħarġa reċenti ta’ ‘IL-FURJANA’ wieħed isib ukoll artikolett dwar din id-devozzjoni li bdiet fil-Parroċċa Furjaniża.

Iż-żewġ kitbiet dwar id-devozzjonijiet Marjani wkoll huma akkumpanjati minn diversi ritratti antiki.

Il-gazzetta Furjaniża għal dan ix-xahar ta’ Diċembru, ma setax jonqos li jkollha wkoll kontenut marbut ma’ żmien il-Milied. Fil-fatt tinkludi paġna mimlija ritratti u tagħrif li jfakkru b’nostalġija l-Milied Furjaniż matul is-snin.

Fl-aħħarnett ‘IL-FURJANA’ fiha wkoll żewġ paġni ta’ aħbarijiet dwar il-Furjana u niesha, u l-paġna tal-Kunsill Lokali Furjaniż li fiha ritratti-tifkira tal-għaxar edizzjoni ta’ ‘Ġenna ta’ Ġonna’ li kienet organizzata mill-istess Gvern Lokali tal-Furjana, fil-bidu ta’ Ottubru li għadda.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ Diċembru tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494, jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] inkella [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.

L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.

Bl-istess mod wieħed ukoll jista’ jakkwista kopja tal-ktieb dwar il-Furjana, bit-titlu ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’ li l-gazzetta ppubblikat aktar kmieni din is-sena fl-okkażjoni tat-300 sena mit-twaqqif tal-belt tal-Furjana.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport