Matul is-sena 2024, rajna kisbiet bla preċedent f’diversi oqsma. Kisbiet li bla dubju u kif mistenni, ħallew u għadhom qegħdin iħallu impatt mill-aktar pożittiv fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Wieħed minn dawn l-oqsma huwa proprju s-settur tal-akkomodazzjoni affordabbli li qed jipprovdi qabża fil-mod ta’ kif qed jgħixu tant familji fil-gżejjer Maltin.
Dan is-settur huwa wieħed mill-aktar għal qalb il-Gvern Laburista tant li qed iżid l-iskemi u l-inċentivi biex aktar familji jkollhom saqaf fuq rashom b’kera diċenti. Is-suċċess miksub f’dan is-settur joħroġ b’mod ċar mill-ammont ta’ units tal-akkomodazzjoni soċjali li qed ikunu allokati minn sena għall-oħra. Dan ifisser li qed ikomplu jonqsu dawk fuq il-lista ta’ stennija biex jingħataw housing soċjali.
Dan is-settur saret referenza għalih ukoll fil-Parlament fil-jiem li għaddew, bil-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes fil-Parlament jagħti rendikont ta’ kemm ġew allokati units t’akkomodazzjoni soċjali matul is-sena li għaddiet u kif qed ikomplu jkunu mgħejjunin aktar familji filwaqt li jiġi msaħħaħ l-istokk ta’ bini taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tad-Djar.
Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputata Laburista Davina Sammut Hili, il-Ministru Galdes ħabbar li l-2024 kienet sena rekord għall-housing f’Malta, fejn ġew allokati mhux inqas minn 514-il unit f’sena waħda biss. L-unika darba f’pajjiżna fejn tqarreb dan l-ammont kienet fis-sena 1974 meta l-ministru responsabbli kien il-mibki Patrick Holland. Dakinhar kienu tqassmu madwar 274.
B’hekk, fl-2024 inqabżet bi kważi d-doppju dik iċ-ċifra billi l-Gvern irnexxielu jalloka rekord ta’ postijiet f’sena waħda biss u f’lokalitajiet diversi fosthom fl-Imsida, is-Siġġiewi, Bormla, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Kirkop u Ħal Luqa rispettivament.
Il-ħsieb tal-Gvern huwa li jkompli jalloka aktar units mhux biss dawk li jkunu mibnija mill-Gvern jew minn entitajiet tiegħu iżda wkoll bis-sehem tal-privat permezz ta’ skemi li qed jitħabbru kontinwament u b’dan il-mod ikomplu jkunu megħjuna aktar familji.
Min-naħa l-oħra, żdiedu l-ispezzjonijiet tal-awtoritajiet biex jivverifikaw jekk hemmx postijiet vojta, jekk hemmx nies li m’għadhomx jużawhom jew inkella addirittura dawk l-istess postijiet ikunux qed jintużaw ħażin. Fil-fatt, matul is-sena li għaddiet inġabru total ta’ 203 ċwievet.
B’hekk permezz ta’ dan l-infurzar, il-Gvern qed iżomm ma dak li qal li l-housing soċjali qiegħed hemm biex jgħin lill-individwu jimxi ’l quddiem f’ħajtu u fl-istess waqt ma jkunx hemm lok ta’ abbuż.
Dan kollu li tkellimna dwaru jimxu pari passu mal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ dan is-settur u jiffoka li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk, inħarsu ’l quddiem għal aktar ħidma f’dan ir-rigward biex aktar individwi jkunu jistgħu jagħmlu din il-qabża ta’ kwalità tant importanti f’ħajjithom.