Friday, May 3, 2024

Sentenza sospiża flok ħabs wara li radd lura l-flus li seraq lil anzjana 

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena kien ikkundannat sentenza sospiża wara li ammetta li seraq €250 minn fuq anzjana ta’ 73 sena. Shaun Ray Belli kien mixli li wettaq is-serqa aggravata nhar id-29 ta’ Awwissu tal-2020 fi Triq Lampuka, Ħal Tarxien. 

Il-Qorti semgħet ir-rapport imħejji mill-uffiċjal tal-probation fejn intqal li l-imputat wera interess li jipparteċipa fil-proċess ta’ medjazzjoni u esprima x-xewqa li jiltaqa’ mal-anzjana biex jiskuża ruħu mal-anzjana u jispjegalha s-sitwazzjoni li kien għaddej minnha. 

L-Uffiċjal tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole kienet irrappurtat li l-anzjana ma xtaqitx li tieħu sehem f’dan il-proċess minħabba li beżgħet tkun wiċċ imb’wiċċ mal-aggressur.

Ir-rapport irrakkomanda li Belli għandu jkompli jibbenefika minn għajnuna psikoloġika u dan sabiex ikun jista’ jaħdem fuq diversi diffikultajiet li qed joħolqulu xi tip t’ostaklu f’ħajtu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace semgħet ukoll kif l-imputat kien radd lura l-ammont kollu dovut lill-anzjana u dan wara li seħħ il-pre-sentencing report. “Dan il-Qorti tqis li hu fatt ta’ importanza kbira u fiċ-ċirkostanzi ma tqisx li piena karċerarja effettiva hi idonea.”

Kien għal din ir-raġuni li filwaqt li sabitu ħati tal-akkuża ta’ serq, il-Qorti kkundannatu sena ħabs sospiża għal tliet snin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia. 

Sport