Sunday, November 24, 2024

Sentenza sospiża għal raġel li ttraffika d-droga kannabis fi skola post sekondarja

Aqra wkoll

Raġel ta’ 32 sena kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Dan wara li tressaq il-Qorti mixli li ttraffika d-droga kannabis fi skola post sekondarja fin-Naxxar.

Fil-Qorti il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ bejn Awwissu tal-2011 u April tal-2012, fejn allegatament l-imputat Gary Falzon ttraffika l-kannabis f’post fejn is-soltu jiltaqgħu xi żgħażagħ fl-istess skola.

Ġie spjegat li f’Mejju ta’ sentejn ilu, huwa kien instab ħati u ġie kkundannat sitt xhur priġunierija flimkien ma’ multa ta’ €1,000. Intant, Falzon ressaq appell, bl- Imħallef Edwina Grima kkunsidrat it-talba biex tqis il-fatt li huwa kien dipendenti fuq id-droga.

Fil-provi imressqa, kien hemm ukoll stqarrija ta’ raġel li spjega li kien sar ftehim bejnu u bejn l-imputat sabiex ikun hemm traffikar ta’ droga. Ħareġ ukoll li t-traffikar tad-droga minbarra li kien seħħ fl-iskola imsemmija, kien seħħ ukoll f’Paceville

Fil-Qorti, l-Imħallef Grima qalet li hija temmen il-verżjoni ta’ dan ix-xhud u kkonfermat il-ħtija tat-traffikar tad-droga. Hija rrimarkat li l-imputat għaraf mingħajr ħadd ma qallu li kellu bżonn jegħleb il-vizzju u li minħabba l-istess raġuni għamel programm ta’ rijabilitazzjoni.

Wara li semgħet dak li qal ix-xhud, il-Qorti biddelt is-sentenza minn dik ta’ sitt xhur priġunerija għal sentenza sospiża. Dan filwaqt li kkonfermat il-multa ta’ €1,000.

Sport