Raġel ta’ 44 sena residenti Ħal-Għaxaq ingħata sentenza ta’ tliet xhur ħabs mhux effettivi wara li tressaq il-Qorti mixli li xtara u rċieva bil-posta ponn tal-ħadid mill-internet.
Fil-Qorti, ingħad kif l-akkużat Ian Caruana, inqabad fil-5 ta’ Jannar li għadda minn uffiċjali tad-dwana li fetħu pakkett indirizzat lilu li twassal fil-fergħa tal-Maltapost.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi filwaqt ikkundannat lil Caruana sentenza sospiża għal tliet xhur, il-minimu ta’ sentenza f’każi bħala dawn.
Il-Qorti innutat li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-uffiċjali tad-dwana u mal-prosekuzzjoni. Il-Qorti qalet ukoll li rat li l-fedina penali tiegħu hija waħda netta, li għandu mpjieg fiss u li dan kien żball ta’ darba.
Minbarra s-sentenza sospiża, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-ponn tal-ħadid.