Saturday, May 4, 2024

Sentenza sospiża wara li tajjar u qatel mara fil-Gżira

Aqra wkoll

Raġel ta’ 46 sena kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €11,646 wara li ammetta li tajjar u qatel mara fil-Gżira. 

L-inċident seħħ nhar id-19 ta’ Ottubru li għadda, għall-ħabta tas-7.30 p.m. fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. 

Anthony Chircop kien tressaq il-Qorti mixli li bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti kkaġuna l-mewt ta’ Stephanie Rapa. 

Huwa kien mixli wkoll li saq vettura tal-għamla Nissan GTR fejn eċċeda l-limitu tal-veloċità skont il-liġi u anke b’sewqan traskurat. 

Minn dak li ħareġ fil-Qorti rriżulta li Chircop kien qiegħed isuq b’veloċità ta’ 140 kilometru fis-siegħa meta laqat lill-vittma waqt li din kienet qed taqsam it-triq. 

Aktar kmieni din is-sena, il-Qorti Ċivili tat kumpens ta’ €324,000 lill-werrieta ta’ Rapa, wara li ddeċidiet li s-sewqan perikoluż tar-raġel b’veloċità daqstant għolja kien li kkawża l-mewt tal-vittma. 

Sadanittant, il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, minbarra li sabet lil Chircop ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu sentenza sospiża u multa, ordnat ukoll il-konfiska tal-vettura Nissan GTR.

Barra minn hekk, il-Qorti skwalifikat lill-ħati milli jkollu jew milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sentejn. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley. 

Sport