‘Serial Rapist’ ikkundannat 18-il sena ħabs wara ammetta minflok għadda ġuri

... u multa ta’ 7,000 ewro, u aktar minn 20,000 ewro fi spejjeż tal-Qorti

Aqra wkoll

Harona Conateh ta’ 34 imwieled ir-Repubblika tal-Gambja li hu mejqus bħala ‘Serial Rapist’ ġie kkundannat 18-il sena ħabs wara li ammetta minflok għadda ġuri. Il-piena ngħatat wara patteggament bejn id-difiża u l-Prosekuzzjoni.

Hu kien jinsab mixli bi stupri u attentati ta’ stupru fuq tliet nisa f’ċentru tal-messaġġi liema każijiet ta’ vjolenza sesswali f’Sliema u Birkirkara, li seħħew matul is-sajf tal-2024.

L-ewwel każ imur lura għat-22 ta’ Ġunju 2024, meta l-akkużat kien daħal fl-istabbiliment Healthing Massage f’tas-Sliema, Sliema, u talab massaġġi ta’ 30 minuta mingħand terapista.

Il-vittma kienet spjegatlu li setgħet toffrilu massaġġi fuq dahru. Madankollu, meta daħlet fil-kamra tal-massaġġi, sabitu mimdud fuq dahru u għadu liebes il-flokk. Huwa allegatament qalilha li ried jagħmel is-sess magħha, iżda l-mara rrifjutat u qaltlu li kienet miżżewġa.

Meta l-vittma ppruvat titlaq mill-kamra, l-akkużat għalaq il-bieb biex ma tħallihiex toħroġ. Fil-Qorti ntqal li hu uża l-vjolenza, ġibed lill-mara minn xagħarha, tefagħha mal-art u rabtilha idejha b’ħabel.

Wara li allegatament żammha taħt il-kontroll tiegħu, huwa kellu x’jaqsam magħha mingħajr il-kunsens tagħha. Waqt l-investigazzjonijiet il-Pulizija elevat ukoll tissue li kienet intużat mill-vittma wara l-inċident, u mill-analiżi tad-DNA rriżulta li kien hemm DNA tal-akkużat u tal-vittma. Id-DNA tiegħu nstabet ukoll fuq il-ħwejjeġ tagħha.

L-istess jum, il-mara ġiet eżaminata minn tobba li qalu li kellha diversi ġrieħi friski, fosthom brix u tbenġil fuq diversi partijiet ta’ ġisimha, kif ukoll ferita fuq il-parti privata tagħha. Fil-Qorti ntqal li kawża tal-każ il-vittma kellha konsegwenzi psikoloġiċi serji, tant li ma setgħetx terġa’ lura għax-xogħol għal diversi ġimgħat.

Fit-tieni każ, kien seħħ fit-3 ta’ Lulju 2024, meta l-akkużat mar fil-Kannika Thai Massage, fi Triq San Duminku, Sliema, fejn talba għal massaġġi. Hawn kien seħħ każ ieħir ta’ vjolenza sesswali fuq terapista.

Fit-tieni każ l-mara kienet infurmat lill-akkużat li setgħet tagħmillu massaġġi fuq dahru għal 30 minuta. Madankollu, meta daħlet fil-kamra, huwa allegatament irrifjuta li jimtedd kif mitlub u talabha tagħmillu massaġġi fuq sidiru.

Meta l-mara rrifjutat u ppruvat titlaq, huwa allegatament żammha milli toħroġ, ħatafha minn idejha u tefagħha mal-art. Fil-qorti ntqal kif huwa hu kien neħħielha l-ħwejjeġ, uża l-vjolenza u rabtilha idha b’ħabel.

Il-vittma allegatament kompliet tirreżistih u tgħajjat għall-għajnuna, filwaqt li ripetutament talbitu jieqaf. L-akkużat ipprova jistupraha, iżda ma rnexxilux iwettaq dan l-att minħabba li rreżistiet. 

Il-vittma sofriet diversi ġrieħi fosthom fuq dirgħajha u saqajha, kif ukoll ferita fuq il-parti privata tagħha. Instabu wkoll traċċi tad-DNA tal-akkużat fuq diversi oġġetti li kienu elevati mill-Pulizija.

It-tielet każ imur lura għall-10 ta’ Lulju 2024, fit-Thai Massage Studio fi Triq Domenico Cachia, Birkirkara, fejn allegatament seħħ inċident ieħor li jinvolvi terapista tal-massaġġi.

F’dan il-każ ukoll l-akkużat ipprova jwettaq reati ta’ natura sesswali fuq il-mara, filwaqt li uża l-vjolenza u żammha kontra r-rieda tagħha.

F’dan il-każ il-vittma kienet ġiet maħtufa minn idha u mkaxkra tul il-kuritur tal-ħanut, minkejja li kienet qed tirreżisti. L-akkużat imbagħad allegatament ġiegħelha tidħol f’kamra u pprova jistupra, iżda ma rnexxilux minħabba r-reżistenza tagħha.

Il-mara ġarrbet diversi ġrieħi, fosthom tbenġil fuq wiċċha, għajnejha, driegħha u spallitha, kif ukoll brix fuq daharha.

Hu kien akkużat ukoll ipprova jaħrab mill-kustodja tal-pulizija u anke kkawża ġrieħi lill-istess pulizija.

Conateh ammetta l-akkużi kollha quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, bid-difiża u l-Prosekuzzjoni jgħidu li kien hemm patteggament bejnithom.

L-Imħallef wara li semgħet l-ammissjoni, ikkundannat lill-imputat 18-il sena ħabs, kif ukoll multa ta’ 7,000 ewro kif ukoll ordnatu li għandu jħallas aktar minn 20,000 ewro fi spejjeż tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-avukat Dr Angele Vella u Dr Nicholas De Gaetano f’isem l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport