Meta tintlagħab it-28 ġurnata tas-Serie A, teżisti possibbiltá kbira li l-leaders Inter ikomplu jżidu l-vantaġġ f’ras il-klassifika meta huma jilqgħu lit-team li jinsab ankrat fl-aħħar post tal-klassifika, Monza, filwaqt li Napoli jospitaw lil Fiorentina.
Inter v Monza – Inter jibdew favoriti netti li jiksbu t-tliet punti meta jilqgħu lil Monza li d-destin tagħhom jinsab miktub fuq il-ħajt meta jinsabu 10 punti bogħod mis-salvazzjoni u għaldaqstant ftit hemm tama għalihom.
Ġejjin mis-suċċess fil-UEFA Champions League meta barra minn darhom għelbu lil Feyenoord bl-iskor ta’ 2-0, Inter jimmiraw li jkomplu b’din is-sensiela pożittivi … li fuq kollox rebħa hija imperattiva biex jibqgħu jżommu l-quċċata.
Inter se jkollhom neqsin lil Hakan Calhanoglu, Federico Di Marco, Yann Sommer, Matteo Darmian, Filip Stankovic u Carlos Augusto minħabba li qed jirkupraw minn injruy.
Min-naħa l-oħra, Monza ma jistgħux jinkludu lil Andrea Carboni, Roberto Gagliardini, Andrea Colpani u Stefano Sensi.
Napoli v Fiorentina – Napoli jilagħbu f’darhom kontra Fiorentina f’konfront meqjus bħala wieħed delikat u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Dan minħabba li mill-aħħar ħames partiti huma kisbu erba’ punti biss minn massimu ta’ 15 … erba’ draws u telfa … u fejn l- aħħar rebħa ġiet reġistrata nhar il-25 ta’ Jannar, li għadda, bl-iskor ta’ 2-1 fuq Juventus.
Dan it-telf ta’ punti ppermetta lil Inter jaqbżuhom fil-quċċata tal-klassifika.
Min-naħa tagħhom, Fiorentina jinsabu fis-seba’ post u b’ċans tajjeb li jikkwalifikaw għall-UEFA Europa League u għaldaqstant jimmiraw li ma joħorġux b’idejhom vojta minn Stadio Diego Maradona.
Dan ifisser li l-Partenopei jridu jkunu fl-aqwa forma possibbli.
Huma għandhom barra lil David Neres u Pasquale Mazzocchi filwaqt li l-Viola ma jistgħux jinkludu lis- sospiżi Rolando Mandragora u Amir Richardson u l- imweġġa’ Moise Kean.
Juventus v Atalanta – Dan huwa konfront bejn it-timijiet li jinsabu fit-tielet u fir-raba’ post fejn Atalanta qed igawdu vantaġġ ta’ tliet punti fuq Juventus.
Rebħa għal xi ħadd minn dawn, speċjalment għal Atalanta, tkompli tressaqhom lejn in-naħa ta’ fuq tal-klassifika … u meta fadal 11-il partita għat-tmiem kollox huwa possibbli.
Il-Bianconeri għandhom bosta players neqsin – Arkadiusz Milik, Douglas Luiz, Nicolo Savona, Facundo Gonzalez, Juan Cabal u Gleison Bremer.