Għar-raba’ darba mill-bidu tas-sena l-Premier League Ingliż se jirritorna wara li kellu jieqaf tliet darbiet biex jagħmel il-wisgħa għall-FA Cup.
Fuq il-karta l-leaders Liverpool, li ġejjin minn battikata fil-UEFA Champions League kontra Paris St-Germain, se jkunu f’Anfield biex jospitaw lit-team ta’ qiegħ il-klassifika.
Liverpool għandhom jirringrazzjaw lill-goalkeeper Alisson Becker u lis-sostitut Harvey Elliott li skorja l-uniku goal fis-87 minuta.
Intant is-Saints kellhom staġun deludenti li fih għadhom kisbu disa’ punti biss minn total ta’ 81 li żgur mhuwiex wieħed li għandu jagħmel kuraġġ lil kull min huwa nvolut mal-club tan-nofsinhar tal-pajjiż.
Bħala logħba bejn żewġ timijiet ta’ isem, dik ta’ għada f’Old Trafford bejn Manchester United u Arsenal, għandha tkun mistennija għal raġunijiet differenti.
Il-United biex jiġbru ġieħhom minn staġun diżastruż li qed jiġi mfisser bħala l-agħar wieħed għal għexieren ta’ snin u l-Gunners biex ikomplu jiġru wara Liverpool fit-taqtiegħa għat-titlu f’każ li dawn tal-aħħar jgħaddu minn perjodu deludenti.
Arsenal, li jinsabu 13-il punt wara Liverpool u lagħbu logħba inqas minnhom, sofrew telfa waħda mill-aħħar sitt logħbiet bl-oħrajn ikunu tliet rebħiet u żewġ draws.
Min-naħa tar-Red Devils ir-rekord tagħhom fl-istess perjodu huwa ta’ żewġ rebħiet u draw bit-tlieta l-oħra jkunu telfiet li fil-kampjonat m’humiex nieqsa minnhom meta t-total s’issa huwa ta’ 12.
Il-programm jibda kmieni llum wara nofs in-nhar bil-logħba li fiha Nottingham Forest jilqgħu liċ-champions Manchester City fis-City Ground meta bħalissa jinsabu mifrudin b’punt favur il-Forest wara li mill-aħħar sitt ħarġiet it-team ta’ Pep Guardiola rebaħ 12-il punt u dak ta’ Nuno Espirito Santo rebaħ sebgħa.
Ta’ min jgħid li ż-żewġ timijiet jinsabu fil-kwarti-finali tal-FA Cup b’ċans li jgħaddu għall-aħħar erbgħa minkejja li se jkunu barra minn darhom fil-kosta tan-nofsinhar, il-Forest għand Brighton u s-City għand Bournemouth.
Intant illum Brighton se jkunu fl-AMEX Stadium ukoll kontra Fulham bis-Seagulls b’punt vantaġġ fuq il-Cottagers li qed ikollhom staġun sodisfaċenti li fih qed jagħtu logħba lil kulħadd.
Team li qed jissielet kontra r-relegazzjoni, Ipswich Town, imur għand Crystal Palace f’Selhurst Park. Dawn jinsabu mingħajr inkwiet ta’ xejn żewġ postijiet taħt in-nofs tal-klassifika, 19-il punt iktar mill-avversarji tagħhom. Huma jinsabu għaddejjin minn perjodu pożittiv meta rebħu erba’ logħbiet mill-aħħar sitta waqt li għadhom jikkompetu fl-FA Cup.
L-Eagles se jkollhom lill-attakkant Franċiż, Jean-Philippe Mateta barra wara li weġġa’ f’daħla mal-goalkeeper ta’ Millwall fil-logħba tal-FA Cup.
Min-naħa ta’ Ipswich huma ġejjin minn draw biss mill-aħħar sitt logħbiet għalhekk l-affarijiet xejn ma jidhru sbieħ għalihom.
Brentford se jkunu f’darhom kontra Aston Villa meta jinsabu fl-10 u fil-11-il postijiet bil-Villa jgawdu erba’ punti vantaġġ fuq il-Bees li ħadu 10 punti mill-aħħar sitt logħbiet waqt li l-Villans ma marrux daqstant tajjeb meta ħadu sitta biss minn 18.
F’Molineux Wolves se jospitaw lil Everton li fil-klassifika jinsabu qabel l-avversarji tal-lum b’10 punti iktar minnhom u mingħajr l-ebda nkwiet li jistgħu jsibu ruħhom fiż-żona tar-relegazzjoni.
Minkejja li għadu ma ġiex sospiż, Wolves se jkunu mingħajr l-attakkant Brażiljan, Matheus Cunha, li tkeċċa fl-aħħar minuta tal-ħin barrani tal-ħames round tal-FA Cup kontra Bournemouth, meta ntilef f’inċident li kellu mad-difensur Ungeriż, Milos Kerkez, u issa qed jistenna kemm se jiġi sospiż logħbiet mill-FA għalkemm tlieta li huma kontra Everton, Southampton u West Ham, huma ċerti.
Għada se jintlagħbu żewġ logħbiet fejn f’dik ta’ wara nofs inhar, Chelsea se jkunu fi Stamford Bridge kontra Leicester City li huma wkoll jinsabu mhedda mir-relegazzjoni.
Il-Blues ġejjin minn rebħa 2-1 fil-Conference League barra minn darhom kontra Copenhagen waqt li fil-kampjonat jinsabu fil-ħames post b’ċans tajjeb li anke jispiċċaw fl-ewwel erbgħa meta Nottm Forest u Manchester City qed jgħadduhom b’żewġ punti u punt rispettivament.
Chelsea ħadu tliet rebħiet mill-aħħar sitt logħbiet waqt li l-Foxes kisbu rebħa mingħajr l-ebda draw ma hija nvoluta maż-żewġ naħat.
Tottenham se jiltaqgħu kontra Bournemouth fit-Tottenham Stadium bi Spurs m’għandhom ċans għal xejn ħlief forsi għall-UEFA Europa League waqt li ċ-Cherries qed jitħabtu biex jkunu f’kompetizzjoni Ewropea għall-ewwel darba.
Nhar il-Ħamis, Tottenham sfaw megħluba 1-0 minn AZ Alkmaar bil-goal jasal minn Lucas Bergvall li dawwar il-ballun fix-xibka tiegħu stess. Iż-żewġ timijiet għandhom rekord simili fl-aħħar sitt ħarġiet, tliet rebħiet u tliet telfiet.
Finalment, il-logħba li tagħlaq il-programm se ssir nhar it-Tnejn li fiha West Ham u Newcastle United jiltaqgħu fil-London Stadium fejn il-Hammers m’għandhom inkwiet ta’ xejn u lanqas jistgħu jżidu l-fidda waqt li l-Magpies, li qed jissieltu għal post fl-Ewropa li jista’ jkun iċ-Champions League waqt li għandhom il-finali tal-League Cup bħal għada tmint ijiem kontra Liverpool.