Illum u għada tintlagħab id-disa’ ġurnata tal-Closing Round tal-Malta Premier League, jew aħjar il-25 waħda tal-istaġun.
Hekk kif fadal tliet ġranet oħra qed tintensifika l-isfida biex ikun komplet il-kwadru tat-Top Six u dawk it-timijiet li jkollhom jikkuntentaw li jilagħbu fil-Bottom Six.
Dan il-programm huwa mill-aktar interessanti bl- aktar partita li tispikka tkun dik bejn Birkirkara u Marsaxlokk li jinsabu jokkupaw il-quċċata tal-klassifika flimkien ma’ Floriana li jittamaw li dawn it-tnejn itemmu fi draw filwaqt li huma joħorġu rebbieħa kontra Gzira United.
Birkirkara v Marsaxlokk – Bla dubju, dan huwa l-aqwa konfront ta’ tmiem il-ġimgħa fejn ħadd ma jaffordja jitlef fit-tentattiv li jżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq, l-aktar Marsaxlokk li fl-Ewwel Fażi lagħbu fil-Bottom Six.
Iż-żewġ timijiet ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi li fihom ma sofrew l-ebda goal.
Barra minn hekk, Birkirkara bbukkjaw post fis- semi-finali tal-FA Trophy hekk kif nhar l-Erbgħa għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 3-1 liema partita marret fil-ħin barrani biex huma wkoll lagħbu nofs siegħa aktar … u forsi ma jilħqux jirkupraw tajjeb fiżikament kontra t-team frisk ta’ Marsaxlokk.
Mandankollu, dan huwa konfront bilanċjat u miftuħ għal kull riżultat.
U filwaqt li l-Karkariżi se jkunu bl-aqwa formazzjoni Marsaxlokk għandhom lil Duvan Torres Quinones sospiż iżda jilqgħu lil Lucas Lopez Dessypris minn sospensjoni.
Fil-partita preċedenti, Birkirkara kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Gzira U. v Floriana – Friski mir-rebħa ta’ 1-0 fuq Hamrun Spartans, Gzira United jiltaqgħu kontra Floriana u jimmiraw li jirrepetu dan is-suċċess.
Min-naħa l-oħra, Floriana jridu jinsew id-diżappunt ta’ draw 2-2 kontra Mosta fejn fallew żewġ punti importanti fl-isfida tagħhom li f’dan il-Closing Round iridu jispiċċaw fl-ewwel post biex jiġu nkurunati champions wara li temmew l-ewwel fl-Opening Round.
Floriana għadhom kif ikkwalifikaw għas-semi-finali tal-FA Trophy meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0 u għalhekk jinżlu b’moral għoli.
Min-naħa tagħhom, il- Maroons għandhom bżonn il-punti hekk kif jinsabu fis-sitt post u jistgħu jinqabżu faċilment minn erba’ timijiet oħra.
Floriana ma jistgħux jinkludu lis-sospiżi, Oualid El Hasni u lill-goalkeeper, Yan-Alexander Yann, filwaqt li Gzira mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Fil-partita preċedenti, Floriana għelbu lil Gzira bl-iskor ta’ 2-1.
Hamrun S. v Mosta – Hamrun Spartans jaffrontaw lil Mosta wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda sfaw megħluba minn Gzira United bl-iskor ta’ 1-0.
Fil-veritá, l-Ispartans huma biss id-dell tal-istaġun li għadda minħabba li qed jonqsu milli jikkonvinċu.
Minn tmien partiti f’din it-tieni fażi, ir-rekord tagħhom huwa ta’ erba’ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet.
Peró, huma kkwalifikaw għas-semi-finali tal-FA Trophy meta għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0 f’rebħa meritata.
Huma jistennew partita diffiċli kontra Mosta hekk kif jimmiraw li jerġgħu jilagħbu fit-Top Six.
L-Ispartans għandhom lil Elionay Freitas Da Silva sospiż għat-tieni darba dan l-istaġun filwaqt li Sasha Cachia jirritorna minn sospensjoni għall-Mostin.
Fiż-żewġ konfronti preċedenti, kienu l-Mostin li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 u 2-1.
Balzan v Sliema W. – Il-pressjoni tinsab kollha fuq Sliema Wanderers hekk kif ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi, sfaw eliminati mill-FA Trophy … u jinsabu fid-disa’ post b’ċans tajjeb li ma jikkwalifikawx mat-Top Six.
Huma fadlilhom tliet partiti biex isalvaw posthom mal-aqwa sitt timijiet u għaldaqstant huwa mperattiv li jiksbu tliet rebħiet minħabba li hemm erba’ timijiet oħra biċ-ċans li jevitaw il-Bottom Six.
Balzan jinsabu punt taħthom u rebħa tarahom jaqbżu lill-istess Wanderers. Min-naħa l-oħra, b’telfa jkunu prattikament destinati li jilagħbu fil-Bottom Six.
Kull team għandu player sospiż – Nicholas Pulis għal Balzan u Geoffrey Acheampong għal Sliema iżda għalihom jirritorna Murilo minn sospensjoni.
Fil-logħba diretta, Sliema għelbu lil Balzan 2-0.
Melita v Zabbar SP – Melita u Zabbar St Patrick jaffrontaw lil xulxin f’dak li huwa konfront dirett.
Iż-Żabbarin għandhom tliet players sospiżi – Kristian Keqi, David Oliveira Souza u Diogo Tavares, filwaqt li Marc Van De Font Bovenkamp huwa sospiż għal Melita.
Fiż-żewġ konfronti diretti kull team rebaħ logħba – Melita 3-1 u Zabbar 1-0.
Hibernians v Naxxar L. – F’temp ta’ tlett ijiem, Hibernians u Naxxar Lions jerġgħu jiltaqgħu wara li nhar il-Ħamis, il-Pawlisti għelbu lil Naxxar 2-0 fil- kwarti-finali tal-FA Trophy.
Hibernians għandhom lil Alfred Hamanjoda Silas u lil Pedro Henrique Nunes Silva sospiżi filwaqt li Yasuke Ito huwa sospiż għal Naxxar.
Fil-logħba preċedenti, Hibernians rebħu lil Naxxar bl-iskor ta’ 2-1.
– Cristian Muscat