Fir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat Taljan, l-aktar partita attraenti hija d-Derby della Madonnina, bejn ir-rivali eterni Inter u Milan li jinsabu fl-ewwel post b’punti massimi.
Iżda f’dan il-konfront iridu jintilfu l-punti u għaldaqstant se jkun hemm leader ġdid jekk ma jispiċċax f’rizultat ta’ draw.
Min-naħa l-oħra, iċ-champions Napoli jmorru jilagħbu għand Genoa filwaqt li Juventus jospitaw lil Lazio li ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 għand Napoli.
Inter v Milan – Inter u Milan jiltaqgħu kontra xulxin fid-Derby della Madonnina.
Iż-żewġ naħat għaddejjin minn mument verament tajjeb u hija ħasra li huma se jiltaqgħu f’dan il-konfront dirett hekk kmieni fl-istaġun.
Kemm Inter kif ukoll Milan jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika meta kisbu punti massimi minn tliet logħbiet u jekk iżommu l-istess konsistenza, bla dubju, se jkunu fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tat-titlu.
S’issa l-aktar żewġ players li spikkaw kienu Lautaro Martinez għal Inter u Olivier Giroud għal Milan li skorjaw ħames u erba’ goals rispettivament.
Iżda sfortunatament, Giroud mhux se jkun parti minn din il-logħba għar- Rossoneri għax jinsab imweġġa’.
Barra minn hekk, il-coach Stefano Pioli, ma jistax jinkludi wkoll lis-sospiż, Fikayo Tomori u l-imweġġgħin Ismael Bennacer u Pierre Kalulu.
Min-naħa ta’ Inter, il-coach Simone Inzaghi, se jkollu jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ Stefano Sensi.
Juventus v Lazio – Juventus jimmiraw li jżommu l-pass maż-żewġ timijiet ta’ Milan. Iżda huma se jkunu mpenjati f’logħba diffiċli kontra Lazio li se jinżlu għal din il-partita b’moral għoli meta fl-aħħar ħarġa huma marru għand iċ-champions Napoli u rreġistraw it-tliet punti biex taw l-ewwel telfa lill-Partenopei.
Juventus kellhom żewġ wirjiet konvinċenti kontra Udinese (3-0) u Empoli (0-2) għalkemm sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra Bologna … fejn ħelsuha ħafif li jingħata kontra tagħhom minn dak li deher penalty ċar.
Barra minn hekk, bħalissa huma xxukkjati bil-każ tal-midfielder Franċiż, Paul Pogba, li nstab pożittiv għat-test tad-doping u qed jirriskja sospensjoni twila.
Neqsin ukoll huma Federico Chiesa u Mattia de Sciglio li qed jirkupraw minn injury.
Genoa v Napoli – Trawmatizzati mit-telfa f’darhom kontra Lazio, Napoli jmorru għand Genoa u xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Min-naħa tagħhom, Genoa jimmiraw għat-tliet punti biex ma jinqabdux fit-taqtiegħa tar-relgazzjoni.
Napoli se jkunu mingħajr iż-żewġ players imweġġgħin, Matteo Politano u Pierluigi Gollini.