Wednesday, July 24, 2024

Serie A: Inter f’logħba diffiċli għand Lazio

Aqra wkoll

Illum u għada jitkompla jintlagħab il-programm tas-16-il ġurnata tas-Serie A wara li tard ilbieraħ filgħa­xija Juventus ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Genoa

Lazio v Inter – Il-leaders Inter ikunu mpenjati f’partita delikata għand Lazio. 

Bħalissa n-Nerazzurri jin­sabu għaddejjin minn perjodu tajjeb iżda jridu jkunu fl-aqwa forma possibbli hekk kif imorru fl-Olim­pico biex jilagħbu kontra team li l-aspirazzjonijiet tiegħu huma li jidħol fiż-żona Ewropa.

Fil-veritá, s’issa ddiżappuntaw bil-kbir meta jinsabu fl-10 post tal-klassifika. 

Fl-aħħar ħarġa tagħhom huma ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Verona u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom jekk iridu jkomplu jisfidaw biex jilħqu l-objettivi tagħhom.  

Bla dubju, se jkun hemm dwell interessanti bejn iż-żewġ attakkanti, Lautaro Martinez ta’ Inter u Ciro Immobile ta’ Lazio,  li huma l-ispirazzjoni tat-team tagħ­hom. 

Lazio għandhom neqsin lil Patric Gil, Gustav Isaksen u Alessandro Romagnoli filwaqt li Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr Denzel Dumfries, Benjamin Pavard u Stefan De Vrij, minħabba li qed jirkupraw minn injury. 

Milan v Monza – Dan il-konfront huwa meqjus bħala derby tar-reġjun ta’ Lombardia bejn żewġ clubs li fil-passat kienu taħt il-presidenza ta’ Silvio Berlusconi. 

Barra minn hekk, hija wkoll partita li għandha sentiment partikolari għad-diriġent ta’ Monza,  Adriano Galliani, li serva għal snin twal taħt fl-amministrazzjoni ta’ Berlusconi mar-Rossoneri.

Bħalissa huma jinsabu fit-tielet post iżda l-moral huwa baxx hekk kif sfaw eliminati mill-UEFA Champions League matul il-jiem li għaddew. 

Monza jinsabu xxamplati f’nofs il-klassifika u għaldaqstant il-pressjoni se tkun kollha fuq Milan li ma jaffordjawx iwaqqgħu l-punti. 

Monza għandhom nieqes lis-sospiż Dario Gomez filwaqt li Samuele Vignato u Gianluca Caprari huma mweġġgħin. 

Min-naħa tagħhom, Milan għandhom barra lis-sospiż Davide Calabria kif ukoll lill-imweġġgħin Malik Thiaw, Marco Pellegrino, Pierre Kalulu, Simone Kjaer u Marco Sportiello.

Bologna v Roma – Roma jimmiraw li jkomplu jisfidaw għal post mal-ewwel erbgħa li jfisser post fil- UEFA Champions League. 

Huma se jilagħbu kontra team li bħalissa qed jaqsam magħhom ir-raba’ post … Bologna … u taħt it-tmex­xija tal-coach, Thiago Motta, huma s-sorpriża ta’ dan l-istaġun. 

Bla dubju, din mhux se tkun partita faċli għat-team immexxi mill-coach, José Mourinho, u r-rebbieħ jokkupa waħdu r-raba’ pożiz­zjoni. 

Għal dan il-konfront, Roma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi, Romelu Lukaku u Nicola Zalewski,  filwaqt li Paulo Dybala, Chris Smalling u Tammy Abraham għadhom imweġġgħin.

Ekonomija

Sport