Matul dawn l-erbat ijiem tintlagħab il-21 ġurnata tal-Kampjonat Taljan hekk kif jispikka d-’Derby della Madonnina’ bejn ir-rivali eterni Inter u Milan li qed jissieltu għal post mal-ewwel erbgħa.
Peró fil-veritá, dan il- kampjonat qed jiżvolġi f’purċissjoni hekk kif Napoli ħarbu waħedhom u prattikament hija diffiċli biex jintlaħqu meta qed igawdu vantaġġ ta’ 13-il punti għalkemm fil-football jista’ jiġri kollox.
Inter v Milan – Inter jilqgħu lil Milan fejn jimmiraw li jkomplu fejn ħallew tliet ġimgħat ilu meta għelbu lill-istess Rossoneri bl-iskor ta’ 3-0 fis-Super Cup Taljana biex dawn tal-aħħar jinsabu fi kriżi meta issa ilhom sitt logħbiet mingħajr rebħa fil-kompetizzjonijiet kollha.
Huma ġejjin minn umiljazzjoni f’darhom ta’ 5-2 kontra Sassuolo biex niżlu fil-ħames post tal-klassifika u jekk ma jagħrfux kif jirriorganizzaw jistgħu wkoll jitbiegħu miż-żona Eworpea.
Min-naħa ta’ Inter, dawn ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fil-kampjonat biex telgħu fit-tieni post tal-klassifika.
Milan ma jistgħux jinkludu lill-imweġġgħin Fikayo Tomori, Mike Maignan, Alessandro Florenzi u Zlatan Ibrahimovic filwaqt li n-Nerazzurri għandhom lil Samir Handanovic u Marcelo Brozovic neqsin għall-istess raġuni.
Spezia v Napoli – Napoli jmorru jilagħbu għand Spezia u minkejja huma favoriti li jakkwistaw it-tliet punti, dan il-konfront huwa diffiċli għall-fatt li Spezia jinsabu fuq iż-żona tar-relegazzjoni u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom u għaldaqstant iridu jirrispettaw lill-avversarji tagħhom.
Barra minn hekk, il- Partenopei jimmiraw li jirbħu d-disa’ rebħa konsekuttiva.
Huma se jkunu bl-aqwa formazzjoni bl-attakk ikun immexxi mill-iskorer prolifiku, Victor Osimhen.
Sassuolo v Juventus – Wara t-telfa f’darhom ta’ 2-0 kontra Monza, Juventus imorru jilagħbu għand Sassuolo li għandhom il-moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 5-2 għand Milan.
Bil-15-il punt imnaqqas minħabba passi dixxiplinari, Juventus ma jistgħux jitilfu l-punti minħabba li jistgħu jinqabdu fit-taqtiegħa għas-salvazzjoni.
Huma għandhom lil Leonardo Bonucci u lil Kaio Jorge mweġġgħin.
Verona v Lazio – Din hija partita delikata għal Lazio għax filwaqt li huma jinsabu fit-tielet post, Verona jinsabu fit-tielet post mill-aħħar u għaldaqstant huwa imperattiv li jiksbu l-punti fit-tentattiv li jkomplu jiġġieldu kontra r-relegazzjoni.
Min-naħa l-oħra, rebħa għal Lazio tkompli tagħtihom is-saħħa biex ikomplu jisfidaw għall-kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.
Lazio jittamaw lil Mattia Zaccagni jkun fil-forma biex jimla l-post ta’ Ciro Immobile li qed jirkupra minn injury.
Verona ma jistgħux jinkludu lil Ajdin Hrustic, Thomas Henry, Miguel Veloso u Marco Faraoni.