Bejn illum u nhar it- Tnejn tintlagħab it-13-il ġurnata tas-Serie A, bl-aktar partita attraenti tkun dik bejn Milan u Juventus filwaqt li konfront ieħor interessanti huwa dak bejn il-leaders Napoli u Roma.
Milan v Juventus – Dan id-dwell klassiku se jerġa’ jiġġedded fi Stadio San Siro hekk kif Milan jilqgħu lil Juventus li huma l-uniku team mingħajr telfa.
Il-pressjoni se tkun kollha fuq ir-Rossoneri li jinsabu fil-bżonn tal-punti biex iżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq minħabba li jinsabu tmien punti taħt il-leaders Napoli.
Huma ġejjin minn draw ta’ 3-3 kontra Cagliari u ma jaffordjawx jitilfu aktar punti.
Min-naħa tal-Bianconeri, dawn ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq ir-rivali tal-istess belt, Torino.
Dan se jkun il-179 konfront dirett bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn il-bilanċ ixaqleb lejn Juventus li rebħu 68 filwaqt li Milan rebħu 53.
Il-coach ta’ Juventus, Thiago Motta, ma jistax jinkludi lil Juan Cabral, Douglas Luiz, Nico Gonzalez, Bremer u Arkadiusz Milik filwaqt li Dusan Vlahovic huwa dubjuż.
Milan se jkollhom jgħaddu mingħajr Matteo Gabbia, Ismael Bennacer u Alessandro Florenzi.
Napoli v Roma – Il-leaders Napoli jilqgħu f’darhom lil Roma li ġejjin minn telfa f’darhom bl-iskor ta’ 3-2 kontra Bologna bil-konsegwenza li keċċew lill-coach, Ivan Juric, u minfloku ħatru lil Claudio Ranieri hekk kif jinsabu fit-13-il post biex l-istaġun għalihom huwa prattikament mitmum.
Napoli għandhom lil Romelu Lukaku u Mikel Folorunsho neqsin waqt li Roma ma jistgħux jinkludu lil Lorenzo Pellegrini, Paulo Dybala, Mario Hermoso u Alexis Saelemaekers … kollha minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Verona v Inter – Inter jibdew favoriti meta jmorru jilagħbu għand Verona.
Flimkien ma’ Atalanta, Fiorentina u Lazio, in-Nerazzurri jinsabu punt inqas minn Napoli u għalhekk teżisti l-possibbiltá li jista’ jkun hemm xi ċaqliq fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.
Inter ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Napoli u għaldaqstant f’din il-partita huwa mperattiv li joħorġu bit-tliet punti.
Min-naħa tagħhom, Verona jinsabu wkoll fil-bżonn tal-punti minħabba li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika, mhedda mill-ġlieda tar-relegazzjoni.
Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Hakan Calhanoglu u Carlos Augusto filwaqt li Marcus Thuram huwa dubjuż.