It-Taljan Giuseppe Napolitano ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti wara li l-Qorti qieset li wera affidabilità meta kien qed jiġi estradit.
Taljan ta’ 53 sena li ġie estradit lejn Malta permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew biex jaffaċċja akkużi marbuta ma’ allegata frodi tat-taxxa ta’ aktar minn €2.4 miljun u ħasil ta’ flus ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Giuseppe Napolitano, sid ir-ristoranti Storie e Sapori f’San Ġiljan u l-Gżira, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Napolitano inizjalment kien ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest meta tressaq il-Qorti wara li ġie estradit mill-Italja ġimgħa ilu. Matul dawk il-proċeduri, id-difiża kienet sostniet li huwa kellu l-intenzjoni jħallas lura t-taxxi allegatament dovuti permezz ta’ mekkaniżmu legali introdott is-sena li għaddiet. Il-Qorti kienet ukoll ikkonfermat ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tiegħu.
Madankollu, Napolitano ngħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Leonard Caruana wara talba mressqa mid-difiża fis-17 ta’ Lulju.
Fid-digriet tagħha, il-Qorti nnutat is-sottomissjoni tad-difiża li matul il-proċeduri tal-estradizzjoni fl-Italja, Napolitano kien tqiegħed taħt arrest domiċiljari mill-qrati Taljani u kien osserva b’mod sħiħ il-kundizzjonijiet kollha imposti fuqu.
Id-difiża sostniet ukoll li qabel l-estradizzjoni tiegħu, Napolitano kien diġà kkomunika mal-Pulizija Maltija sabiex jirranġa r-ritorn tiegħu lejn Malta ħalli jaffaċċja l-akkużi u jikkollabora mal-prosekuzzjoni.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll it-tħassib tal-prosekuzzjoni. Hija rrimarkat li Napolitano kien ilu nieqes minn Malta għal dawn l-aħħar 18-il xahar u li l-akkużi miġjuba kontrih kienu serji u jinvolvu ammont sostanzjali ta’ flus.
Il-Maġistrat Caruana kkonkluda li Napolitano kien wera ċertu grad ta’ affidabilità matul il-proċess ġudizzjarju. Il-Qorti osservat li xejn ma kien żammu milli jibqa’ moħbi jew jipprova jevita kemm lill-awtoritajiet Taljani kif ukoll lil dawk Maltin matul il-proċeduri tal-estradizzjoni, iżda ma għamilx dan.
Il-Qorti tatu il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €50,000.
Bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, Napolitano jrid jirrapporta fl-Għassa tan-Naxxar erba’ darbiet fil-ġimgħa filwaqt li jrid josserva wkoll ordni ta’rinkażar. Saret eċċezzjoni għall-ġranet li fihom ikun qed jaħdem fir-ristorant Storie e Sapori fil-Gżira, li tippermettilu jibqa’ fl-istabbiliment san-12:30am.
Il-Qorti wissiet li kwalunkwe ksur tal-kundizzjonijiet imposti jwassal għar-revoka tal-ħelsien mill-arrest, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest kontrih u l-konfiska tal-garanziji.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Claire Sammut u Mauro Abela flimkien mal-Ispettur Shamus Woods.
L-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia dehru għal Napolitano.
Il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Leonard Caruana.
