Wara dak li seħħ f’Bologna ftit tal-jiem ilu, fejn kien hemm protesti vjolenti li ħolqu straġi sħiħa f’parti tal-belt, liema protesti saru għal arrest ta’ Marokkin li kien ilu jgħix fl-Italja u li dan spiċċa miet f’idejn l-Pulizija, proprju fl-aħħar sigħat rajna xeni oħra li jixbħu gwerra ċivili fl-Italja. Din id-darba fi protesti għal raġunijiet differenti. Il-protesti saru f’Val di Susa f’Turin u kienu kontra l-proġett ta’ ferrovija b’veloċità qawwija.
Il-protesti ħadu xejra vjolenti u wasslu biex inħarqu vannijiet tal-Pulizija. Minkejja preżenza qawwija ta’ uffiċjali tal-infurzar, il-protestanti użaw il-vjolenza.
Filfatt kien hemm aktar minn 120 uffiċjal tal-infurzar tal-liġi Taljan li sfaw midrubin fil-protesta. Għall-protesta attendew mijiet ta’ dimostranti. Ħafna minnhom mgħammdin. Huma ma ddejqux jikkonfrontaw il-Pulizija.
Il-protesta saret fuq siti ta’ kostruzzjoni ta’ fecrovija ta’ veloċità qawwija f’Val di Susa ħdejn Turin bħala parti minn dak li jissejjaħ “No TAV,” moviment kontra l-ferrovija ta’ veloċità qawwija.
Il-protestanti allegatament għamlu ħsarat lil diversi siti ta’ kostruzzjoni. Il-moviment No TAV qal fi stqarrija li 20,000 persuna pparteċipaw fil-protesta.
Sadanittant, il-Prim Ministru Giorgia Meloni kkundannat il-kunflitt.
“Dawk li jitfgħu Molotov Cocktails, jagħtu n-nar lil vetturi tal-istat, u jattakkaw uffiċjali tal-infurzar tal-liġi mhumiex qed jiddefendu idea imma qed jattakkaw l-Istat,” kitbet Meloni.




