
Jolqtok mill-ewwel il-flokk ta’ l-Arġentina bil-firma ta’ Diego Maradona. Dak tal-Brażil iffirmat minn Pele. Forsi għax l-aktar magħrufin. Imma imbagħad tibda tara firem u ritratt iffirmati ta’ plejers leġġendarji li kienu parti mill-logħba tal-futbol snin twal ilu. Iġġedded il-memorji. Xi plejers antiki lanqas tkun taf dwarhom. Ma’ dawn issib materjal relatat ma’ plejers li kienu protagonisti ftit snin ilu. F’moħħi mill-ewwel għadda ħsieb partikolari. Daqstant materjal, daqstant ritratti imma wara li tiżżarma l-wirja, x’jiġri minnhom? Domanda li għalih kellha tweġiba meta iltqajt ma’ Kenneth Formosa u spjegati li x-xewqa hi li jsir mużew tal-futbol internazzjonali f’Malta.
Kenneth kien filmkien ma’ plejers tal-passat f’Malta li żaru l-wirja. Kienet okkażjoni oħra fejn il-Matflo kompliet bil-mod il-mod issaħħaħ il-preżenza tagħha.
Il-ħsieb li plejers tal-futbol tal-passat jerġgħu jingħataw il-ħajja, imma ovvjament bi rwol ferm differenti intlaqgħet tajjeb ħafna minn sezzjonijiet sħaħ tal-pubbliku Malti. L-artiklu ippubblikat il-ġimgħa l-oħra dwar l-organizazzjoni Malta All Time Football Legends Organisation (MATFLO) intlaqa’ b’mod pożittiv ħafna. Kienu diversi dawk li kkuntattjawna u xtaqu aktar informazzjoni b’mod partikolari attivitajiet li se jiġu organizzati u li fihom se jkun hemm preżenti l-istilel tal-passat. Kien proprju ftit jiem ilu li fil-kumpless ta’ Farsons, iltaqgħu xi wħud minn dawn il-plejers flimkien ma’ protagonisti oħra.
Magħhom Tony DeBono magħruf għall-passjoni li tmur lil hinn mill‑iSport innifsu — passjoni li tgħaqqad il‑memorja, il‑ġenerazzjonijiet u l‑identità Maltija. Kollha segwejna wirja li ttellgħet b’materjal uniku dwar it-Tazza tad-Dinja u protagonisti li ħadu sehem fiha. Meta titkellem ma’ dawk wara l-MATFLO tinduna bil-ħsieb nobbli warajha. Anatole Baldacchino, flimkien ma’ Tony DeBono ħadem ħafna fuq l-aspett tal-filantropija ta’ din l-organizazzjoni. Ħadmu bla heda biex tinħoloq pjattaforma bejn l-isport u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità. Il-ħsieb hu li l-istilel tal-passat, jistgħu ikunu mudelli għal nies differenti fis-settur tad-diżabilità u anki setturi oħra.
‘Nippreferi l-logħba tal-futbol ta’ qabel…kellha aktar amor’ – Emanuel Zammit, referee
Lil eks referee internazzjonali Malti Emanuel Zammit, tkellimt miegħu dwar il-VAR. Jgħidli “jien dik tal-VAR mill-ewwel ma qbiltx magħha. Issa f’din it-Tazza tad-Dinja kien hemm azzjoni li kienet ċara daqs il-kristall. Hemm il-filmat qed jurik l-azzjoni u deċiżjoni ittieħdet ħażina. Għalija dik id-deċiżjoni ittieħdet hekk biex tiżvantaġġja lil tim partikolari. Żball uman naċċettah, imma mbagħad żball b’camera ma naċċettahx. U inzertaw l-iżbalji iffavorixxew timijiet kbar. Żbalji kontra timijiet kbar ma kien hemm.”
Emanuel Zammit meta mistoqsi dwar id-differenza fil-logħba tal-futbol bejn illum u żmienu, jgħidilna li “fi żmieni kien hemm aktar teknika bil-ballun u plejers ta’ ċertu kwalità. Illum daħlu l-flus. Illum jonfqulek miljuni kbar biex jixtru l-plejers. Anki fit-Tazza tad-Dinja l-flus saru kollox. Issa qegħdin jagħmlu żewġ waqfiet biex il-plejers jixorbu. Fiha daħħlu ir-reklami.”
Jenfasizza li “l-flus u reklamar ħassru il-logħba. Meta dħalt referee jien, konna nirreffjaw il-Youth FA u lanqas konna nitħallsu, għax kienet assoċjazzjoni li ma kellhiex dħul. Dak iż-żmien il-ħlas kien ta’ Lm1 għar-referee u 50c kull wieħed għal linesmen. Konna nagħmlu nofs ta’ nhar sħiħ il-Ħadd – tlett logħbiet. Tista’ taħseb konna nmorru bit-termos tal-kafe magħna. Dak iż-żmien kont tirreffja għax konna inħobbu l-logħba. Illum jitħallsu sewwa u hekk għandu jkun”.
Jieqaf ftit u jgħidli li “nippreferi l-logħba ta’ qabel. Kien hemm aktar amor.”
L-aqwa logħba li qatt rajt kienet Brażil u Ungerija fl-1966…iżomm ir-rapporti kollha dwar il-logħbiet tat-tim nazzjonali
Jitkellem magħna Brian Debono, kollezzjonist tar-rapporti li jkunu dehru fuq il-ġurnali tat-tim nazzjonali u tat-timijiet Maltin li jkunu ħadu sehem f’kompetizzjonijiet Ewropej.
Brian Debono isemmili kif hu kollezzjonist tar-rapporti u ritratti li jkunu dehru f’ġurnali f’Malta u barra dwar il-logħbiet tat-tim nazzjonali Maltin u anki tat-timijiet Maltin li jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet Ewropej. Imma kif ġietu l-idea li jiġbor ir-rapporti tal-gazzetti?
“Kelli hija kien Alfred Debono. Magħruf fil-logħba tal-futbol. Jien kont fanatiku fuq il-ballun. Kont qbadt din il-prattika li niġbor ir-rapporti. Il-fatt li hija kien jilgħab kienet tgħin. L-aqwa loghba li qatt rajt kien fl-1966, f’Goddison Park. Kienu lagħbu l-Ungerija u l-Brażil. Kienu rebħu l-Ungerija 3 – 1. Il-ġurnalist tad-Daily Mirror kien qal li l-biljett tal-logħba kien se jżommu għax dik il-logħba kienet se tibqa’ tissemma”.
Brian jirrakkontalna li għandu għadd ta’ firem ta’ plejers fl-albums li hu jżomm, bl-aktar waħda għal qalbu hi dik tal-plejer Ingliż Bobby Moore. Bis-saħħa ta’ hija għandi l-firma ukoll tal-goalkeeper leġġendarju Russu Lev Yashin. Għand l-firma ta’ Beckenbauer u oħrajn.”
Ħdimna biex il-Matflo tgħin għaqdiet filantropiċi – Anatole Baldacchino

Minn naħa tiegħu Anatole Baldacchino jgħidilna li “sa minn meta kont żgħir dejjem kont attiv fl-isport. Tal-familja kienu jinkoraġġuni ħafna. Fil-passat ħarġu plejers kbar. Aħna tlajna f’dik l-era tal-Bużu u kien hemm plejers oħra bħal Mundu. Kont nilgħab mal-minors tal-Marsa fi żmien il-Mundu. L-isports itik ċertu saħħa mentali. Itik il-formazzjoni tal-karattru.”
Jitkellem miegħu fuq it-twaqqif tal-Matflo u jiddikjara li “ma’ Tony DeBono ħdimna fuq l-aspett ta’ filantropija, jiġifieri kif nistgħu ngħidnu lil ċertu għaqdiet. Bil-Matflo ħloqna pjattaforma bejn l-isport u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilita. L-istilel tal-passat jistgħu jkunu ‘role models’ għal nies differenti fis-settur tad-diżabilità u għaqdiet oħra.
Għandha tagħti spinta ‘lquddiem lis-soċjetà Maltija biex tkompli tevalwa l-sport u inkluzjoni.”
Ikompli jgħid li “jien l-isport fil-passat kien parti minn ħajti. Niftakar żminijiet fejn kienet tispikka id-dedikazzjoni. Konna nħallsu biex inmorru nilgħabu. Kien hemm min kien iddedikat. Illum inbidel kollox. Li jkun hemm finanzi u investimenti huma importanti. Imma ma tridx tuża l-flus bħala xi ħaġa riġida li tiġi fuq il-mottivi prinċipali tal-isport”, itemm jgħidilna Baldacchino.
“Ġbart il-firem tal-plejers kollha tat-tim
Nazzjonali…nittama li titkompla”
….l-idea tal-Matflo bdiet minn BBQ
– Jimmy Briffa li ħareġ bl-idea
Ma’ Jimmy Briffa tkellimt dwar kif bdiet l-idea li titwaqqaf il-Matflo. Hu jgħidli li “l-idea bdiet waqt li jien kont nistieden ħames plejers li kienu Joe Cini, Edward Darmanin, A Camilleri, Louis Arpa u Joe Serge. Kont nistedinhom darbtejn fis-sena għax kienu parti mill-karriera tiegħi. Waqt li konna fil-bbq bdejt inħares lejn Joe Cini u għedt dan qed jikber. Moħħi beda jaħseb kieku xi darba nagħmlu attività u jiġu supporters, jiġbdu ritratti, jiffirmaw u fl-istess ħin jinġabru fondi għal xi għaqda. Għamilna attività u kif kienu miġburin hemm bdejt noħloq ktieb bil-firem u ritratti ta’ l-istess plejers. Għamiltu imma kien hemm ħafna plejers neqsin. Għamilt sentejn sħaħ biex inġib kuntatt mal-plejers. Ma kinitx faċli. Irnexxieli niġbor xi 250 firma ta’ plejers li kienu fit-tim nazzjonali. Għamilna ċerimonja u ftehmna mal-Caritas. Ingħatajna €5,000. Il-ktieb fil-firem issa qiegħed esebit fil-mużew tal-MFA. J’alla jitkompla. Hemm tmien plejers li kienu ffirmaw li llum ħallewna.”
Ilni 42 sena infaddal material
relatat mat-Tazza tad-Dinja
– Kenneth Formosa
Il-moħħ wara l-wirja għand Farsons kien Kenneth Formosa. Waqt li dorna l-wirja flimkien, spjegali l-passjoni li għandu biex jiġbor u jakkwista materjal relatat mat-Tazza tad-Dinja. “Ilni inġemma’ 42 sena. Dan hu l-passatemp tiegħi. Bihom imbagħad norganizzaw wirjiet u ngħinu għaqdiet tal-karita.”
Kenneth, li hu l-kuratur tal-Mużew tal-Futbol f’Ta’ Qali, qalilna li “l-għan hu li b’dan il-passatemp nagħmel il-ġid. Irrid ngħid li miegħi jikkordinaw kien hawn ukoll Christian Curmi u Nicholas Baldacchino.”
Il-mistoqsija li għamiltlu kienet dik ta’ kemm hu diffiċli takkwista firma jew flokk ta’ plejer magħruf.
Kenneth bla tlaqlieq jgħidli li “diffiċli u tiswa. Għandi kuntatti tajbin u ta’ min jafdahom. Dawn jiġu wara snin. Fil-bidu kienet diffiċli ħafna. U ġieli ġibt xi ħaġa u ngħid din mhix tajba. Tkun ħallast il-flus għal xejn. Bdejt infaddal fuis-sena 1983. Għandi kuntatti l-Ingilterra, l-Ġeramnja u l-Italja. Ftit ilu għal din il-wirja kellna lil Norman Whiteside.”
Jgħidli li “jien għandi xewqa kbira. Din hi dik li jinfetaħ mużew tal-futbol internazzjonali u din il-kollezzjoni tkun inkorporata”. Nistaqsieh jekk hux jittama li tkun f’Ta’ Qali mal-Mużew tal-Futbol u qalli li “f’dan l-istadju l-post mhux daqstant importanti, imma li nixtieq li jkollna dan il-mużew biex dak li nġabar ikun esebit u jgawdieh kulħadd”.
