Monday, July 27, 2026
Home Opinjoni Ħamsin sena wara, id-diskors politiku ta’ Dom Mintoff jibqa’ rilevanti!

Ħamsin sena wara, id-diskors politiku ta’ Dom Mintoff jibqa’ rilevanti!

Jikteb l-Onor. Clint Azzopardi Flores

0
12

Il-ġimgħa li għaddiet, waqt li kont qed niskrollja fuq il-midja soċjali, reġgħet tfaċċat quddiemi l-intervista famuża tal-ġurnalist Amerikan prominenti Dan Rather fuq CBS News ma’ Dom Mintoff fis-snin sebgħin. 

Biċċa minn din l-intervista kont diġà qsamtha man-nies fuq il-midja soċjali, iżda ħsibt li kien ta’ min terġa’ jaqsamha. Il-parti li qsamt tikkonċerna r-referenza ta’ Dan Rather għar-remarki ta’ Dom Mintoff dwar meta kien qed jitkellem fuq il-forzi tan-NATO. Dan Rather qal li din in-narrattiva ma tinżilx bħala diskors ta’ ħbiberija mal-Amerikani. Dom Mintoff wieġeb li jekk għadek taħseb li tista’ tagħmel ħbieb billi tipprova ċċaħħad lin-nies mill-libertà tagħhom sabiex tiddomina reġjun, ikun żball kbir, għax il-ħbiberija ma tinkisibx b’dal-mod.

Kont diġà ktibt dwar dan f’wiaħda mill-opinjonijiet tiegħi lura fl-2025. Il-punt tiegħi meta nerġa’ naqsam das-suġġett magħkom mhuwiex biex nargumenta kontra x-xogħol tan-NATO. Anzi, in-NATO tista’ tagħmel dak li tħoss li hu fl-aħjar interess tas-sigurtà transatlantika u Ewropea, li aħna parti minnha xorta waħda taħt il-Kooperazzjoni UE-NATO, u li aħna nkontribwixxu fiha. Apparti minhekk meta kont għadni Brussell kelli relazzjoni tajba ħafna magħhom. 

Dik hi d-diplomazija. Madankollu, il-punt li jinterressa lili huwa l-klawsola tan-newtralità ta’ Malta u l-impenn tal-Partit Laburista, li jibqgħu distinti mix-xogħol tan-NATO. Dawn huma mnaqqxa fil-mentalità tas-suldati tal-azzar u l-attivisti tal-PL u jiffrumaw bażi wiesgħa mill-elettorat tal-Partit Laburista, mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra minn Dom Mintoff, u f’fehma komuni li hi maqsuma mill-maġġoranza tal-poplu Malti.

Malta bdiet tiġi mistiedna għall-Assemblea Parlamentari tan-NATO minn wara Mejju tal-2024. Din mhux sħubija tan-NATO, u lanqas ma jaffettwa n-newtralità kostituzzjonali ta’ Malta. 

L-Assemblea Parlamentari tan-NATO hija forum parlamentari, mhux struttura militari. Pajjiżi newtrali, fosthom l-Awstrija u l-Isvizzera, jipparteċipaw biex jifhmu żviluppi fis-sigurtà, jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar is-superviżjoni demokratika, u jinvolvu ruħhom fid-djalogu Ewro-Atlantiku mingħajr ma jingħaqdu man-NATO. Aħna diġà kellna struttura simili permezz tal-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà tal-UE u l-Kunsill Atlantiku tat-Tramuntana (North Atlantic Council). Meta kont għadni Brussell (tgħiduli dejjem isemmi hemmek imma mportanti li tifhmu l-bażiku), spiss iltqajna mal-ambaxxaturi tal-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà tal-UE, li kont ir-rappreżentant ta’ Malta fih taħt it-Trattat ta’ Lisbona, u mal-Kunsill Atlantiku tat-Tramuntana. Dawn il-laqgħat kienu jsiru erba’ darbiet fis-sena, u konna ninfurmaw ruħna dwar żviluppi fis-sigurtà għax il-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà tal-UE jaħdem mill-qrib man-NATO fuq diversi programmi ta’ interess sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet ta’ missjonijiet u inizjattivi u anke sabiex kull pajjijż iħares l-interessi tiegħu inkluż l-istrutturi legali. Huwa għalhekk li l-UE u n-NATO jiltaqgħu kważi kull sentejn biex jinnegozjaw oqsma ta’ kooperazzjoni.

Jien dejjem għedt li l-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà tal-UE huwa kumitat importanti li għandu jingħata l-attenzjoni dovuta. Fil-passat, konna nużaw ir-relazzjoni tagħna fi Brussell biex nifhmu x’kien qed iseħħ minn perspettiva ta’ sigurtà. Ukoll, ir-raġunijiet għaliex tlaqt mill-kariga tiegħi f’Brussell kienu tnejn. 

L-ewwelnett, xtaqt nerġa’ nitħarreġ bħala ekonomista speċjalizzat fir-riskji tal-ESG (Ambjent, Soċjal u Governanza) fl-industrija bankarja u finanzjarja, u t-tieni nett, l-aħjar li ma nsmmiehx. Żgur ma kontx naf li kont se nispiċċa fil-politika, b’kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewrope fl-2024, u oħra għall-elezzjoni ġenerali, li l-aħħar waħda kienet ta’ suċċess fid-distretti t-tieni u d-disa’ permezz t’elezzjoni każwali. Issa li ġejt ikkonfermat bħala Membru Parlamentari mal-PL, aħna offruti rwoli fuq il-backbench, fosthom il-presidenza ta’ kumitati, is-sħubija, jew il-kariga ta’ kap ta’ delegazzjoni.

Il-gvern irid jaħtar diversi Kapijiet ta’ Delegazzjoni, fosthom dak tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO. Minkejja li għandi esperjenza biżżejjed f’dan il-qasam, u s-sigurtà kienet parti mix-xogħol tiegħi fil-passat, jien dejjem kont fuq in-naħa tal-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà tal-UE, distint mill-istrutturi tan-NATO. Għalhekk, esprimejt ix-xewqa li nibqa’ ‘l barra minn das-suġġett. 

Żgur, apprezzajt in-nomina biex insir membru tal-Kumitat Permanenti Ekonomiku u Finanzjarju, kif ukoll membru tal-Kumitat dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali. Ir-raġuni għaliex apprezzajt dawn il-kumitati hija li jien ilni snin li inqtajt mis-suġġett tas-sigurtà u d-difiża, kif iddikjarajt f’intervisti reċenti li kelli. Teknikament, is-suġġett tas-sigurtà u d-difiża huwa kontroversjali fin-natura tiegħu, sakemm ma tbaxxix rasek għal ċerti talbiet li huma kontroversjali. Għadni nsegwi kollox. U l-informazzjoni nutilizza għal meta jkolli dibattiti. Però inqtajt milli nikteb fuqhom, u nikteb biss meta jinqala’ xi ħaġa straordinarja u n-nies jitolbu spjegazzjoni. Sibtha l-aħjar triq għal kulħadd. 

Fil-fatt, se niffoka l-esperjenza tiegħi bħala membru tal-Kumitat Permanenti Ekonomiku u Finanzjarju u nkompli nikteb u naqsam l-ideat tiegħi dwar aspetti relatati mal-ekonomija, is-sostenibbiltà (ESG) u issa wkoll l-Intelliġenza Artifiċjali u t-teknoloġija. 

U jekk ikollhom bżonn l-esperjenza tiegħi fil-Kumitat tas-Sostenibbiltà, jien lest ngħin ukoll bħall-kumplament tal-kumitati kollha l-oħra. Sabiex nagħlaq, il-klipp ta’ Dom Mintoff ma’ Dan Rather laħaq aktar minn 120,000 li rawh fuq il-midja soċjali tiegħi f’inqas minn erbat ijiem. Dan juri li Dom Mintoff u s-suġġett tan-NATO jibqgħu rilevanti ħafna, hekk kif ħafna nies għadhom jaqblu mal-fehmiet ta’ Mintoff ħamsin sena wara, fl-2026. U, fil-verità, bħala wieħed li ġej minn Bormla, Dom Mintoff jibqa’ relevanti fejn jidħlu l-affarjiet barranin, u huwa politiku li nħares b’ammirazzjoni kbira lejh, tant li minn żmien għall-ieħor nisma’ xi jkun qal u nifhem aktar il-ħtiġijiet ta’ dak iż-żmien fil-kuntest anke tal-lum. U li għadhom relevanti. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here