Numru ta’ Sindki li tkellmu magħna laqgħu b’sodisfazzjon l-investiment dirett ta’ €12.8 miljun fil-lokalitajiet u dan grazzi għal ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali ta’ Malta.
Dan l-investiment, fuq perjodu ta’ sentejn, se jkun qed iwassal għal aktar proġetti infrastrutturali li jindirizzaw il-ħtiġijiet konkreti tal-lokalitajiet tagħna, fosthom xogħlijiet ta’ manutenzjoni, aċċessibilità, spazji pubbliċi u interventi oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-resdienti.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay laqa’ dan l-investiment, speċjalment il-prinċipju li l-Kunsilli Lokali għandhom jibqgħu jidentifikaw huma l-prijoritajiet skont il-ħtiġijiet reali tar-residenti.
“Il-Kunsilli huma l-eqreb istituzzjoni lejn in-nies u għalhekk għandhom jingħataw mhux biss ir-riżorsi, iżda wkoll aktar għodod, awtonomija u kapaċità biex iwettqu. Fil-Belt Valletta għandna sfidi partikolari bħala Belt Kapitali, fuq l-infrastruttura, bankini, toroq residenzjali u l-ispazji pubbliċi u għalhekk irridu nassiguraw li investimenti bħal dawn jissarrfu fi proġetti konkreti li jtejbu direttament il-kwalità tal-ħajja tar-residenti,” qal is-Sindku tal-Belt Valletta.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Gżira Neville Chetcuti qal li: “Dan hu ftehim importanti għall-Kunsilli kollha ta’ Malta u Għawdex għax b’dan il-ftehim, il-Kunsill jara fejn hemm bżonn isir ix-xogħol li jressqu lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u flimkien mal-perit tagħna x-xogħol ta’ toroq, pjazez u xogħol ieħor isir iktar malajr għax hemm kuntratturi lesti biex isir dan ix-xogħol.” Huwa qal li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma b’risq iċ-ċittadini.
Tkellimna wkoll mas-Sindku tal-Pietà Stefano Savo li enfasizza li: “Fondi li jingħataw mill-Gvern ċentrali lill-Kunsilli Lokali għandhom importanza kruċjali għall-iżvilupp tal-lokalitajiet tagħna. Kull komunità taspira li tara l-aħjar għal-lokalità tagħha, u dawn l-investimenti jagħmluha possibbli li nħaddmu proġetti li verament jagħtu valur miżjud lir-residenti.
“Huwa importanti li l-proġetti jiġu proposti u mmexxija direttament mill-Kunsill Lokali, li jaf mill-qrib il-ħtiġijiet reali tal-lokalità. Dan jiżgura li l-fondi jintużaw b’mod effiċjenti.
“B’kollaborazzjoni bejn il-Gvern Ċentrali u l-Kunsilli Lokali, nistgħu nkomplu nagħtu ħajja lill-viżjoni li għandna għall-lokalitajiet tagħna,” tenna Savo.
Is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula qal li “Bħala Kunsill Lokali nilqgħu b’sodisfazzjon din l-allokazzjoni mill-Ministeru għall-Gvern Lokali. Permezz ta’ dan il-ftehim se jkun possibbli li nkomplu nibnu iktar bankini ġodda, manutenzjoni, u spazji pubbliċi. Dawn huma proġetti u xogħlijiet importanti li għandhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna, u li żgur li l-Kunsill Lokali m’għandux ir-riżorsi finanzjarji sabiex iwettaqhom. Allura nilqgħu din l-allokazzjoni b’sodisfazzjon sabiex bħala Kunsill inkomplu ntejbu l-infrastruttura tal-lokalità għall-benefiċċju tar-residenti tagħna.”
Is-Sindku tal-Imġarr Paul Vella stqarr li dan l-investiment kien hemm bżonnu. Huwa qal ukoll li bħala Kunsill se jkunu qegħdin jipproponu xi proġetti biex ikomplu ma’ dawk li diġà saru jew beda x-xogħol fuqhom.
