Wednesday, April 24, 2024

Imut wieħed mill-għaddasa involuti fl-inċident fiċ-Ċirkewwa

Aqra wkoll

Il-Pulizija kkonfermat li fl-inċident li fih kienu involut grupp ta’ 18-il bugħaddas fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Rożi fiċ-Ċirkewwa sfortunatament tilef ħajtu ftit wara l-wasla tiegħu fl-Isptar Mater Dei.

Ġie konfermat li kienu biss erba’ minnhom li rnexxielhom jitilgħu fuq l-art mingħajr l-assistenza bil-bqija jittellgħu bl-għajnuna tal-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u dawk mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Intant fi stqarrija l-Pulizija qalu li l-vittma ġie identifikat li huwa min-Netherlands u għandu 45 sena.

Minn fost dawk salvati kien hemm erbgħa li kellhom jiddaħħlu l-Isptar b’tim mediku jibda minnufih cpr fuq wieħed minnhom minħabba l-qagħda li kien jinsab fiha. Sfortunatament dan tilef ħajtu minkejja kull tentattiv mit-tim mediku. Il-kundizzjoni tal-oħrajn għadha mhix magħrufa.

B’rabta mal-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni: Kaos kbir fiċ-Ċirkewwa … numru ta’ għaddasa għadhom rappurtati neqsin

Bħalissa fiċ-Ċirkewwa għaddejja operazzjoni ta’ salvataġġ mill-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili hekk kif grupp ta’ madwar 18-il għaddas sabu ruħhom f’diffikultà.

Rapporti qegħdin jgħidu li minħabba l-maltemp l-operazzjoni ta’ salvataġġ hija waħda delikata ħafna fejn minnufih skattat tfittxija fuq il-baħar kif ukoll mill-ajru f’operazzjoni konġunta bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta’ Malta.

L-ewwel indikazzjonijiet juru li kien hemm numru ta’ għaddasa li kienu fuq dgħajsa u nqalbet.

Skont l-ewwel informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li ġew irkjuprati numru ta’ għaddasa filwaqt li għad baqa’ numru ta’ għaddasa li s’issa għadhom rappurtati neqsin.

Fuq il-post hemm ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li bdew minnufih b’cpr fuq xi wħud mill-għaddasa salvati minħabba l-qagħda li nstabu fiha. Fuq il-post bħalissa hemm mill-inqas 4 ambulanzi biex jagħtu l-ewwel għajnuna f’każ li jinstabu l-għaddasa.

Sakemm ikomplu t-tfittxijiet jidher li s-servizz tal-Gozo Channel kellu jiġi sospiż temporanjament minħabba miżuri ta’ prekawzjoni.

Aktar dettalji dalwaqt…

Sport