Saturday, November 16, 2024

SISTEMA EDUKATTIVA LI TAĦSEB GĦALL-FUTUR TA’ WLIEDNA

Aqra wkoll

Bdiet sena skolastika ġdida għal aktar minn 29,000 student u studenta. Sena skolastika oħra fejn il-Gvern tul dawn l-aħħar xhur ħadem qatigħ biex Malta tibqa’ jkollha sistema edukattiva ta’ kwalità; sistema edukattiva progressiva; sistema edukattiva li tpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru tagħha u li timxi pari passu biex taqdi l-ħtiġijiet t’issa u futuri ta’ pajjiżna. 

Ħidma intensiva li kif stqarr il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima wasslet sabiex ikun żgurat li dak kollu meħtieġ, kemm jekk akkademiku, kemm jekk xogħol infrastrutturali kif ukoll xogħol amministrattiv, jissarraf fi ftuħ ta’ sena skolastika oħra bi skejjel attrezzati b’dak kollu meħtieġ kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-istudenti. 

Bla wisq dubju, l-edukaturi fil-livelli kollha, huma fil-qofol tas-sistema għaliex propju huwa huma li jiggwidaw u jgħallmu lill-uliedna għal ġejjieni tagħhom. Responsabbiltà din li mhijiex ċkejkna għax iġġorr magħha sfidi eżistenzjali anki dawk ta’ mġiba mill-istudenti. 

Għalhekk l-edukaturi jixirqilhom kull rispett u appoġġ. Rispett u appoġġ li parti sostanzjali minnu diġà ssarraf lilhom bit-titjib li sarilhom fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Prova tal-impenn tal-Gvern li jafda wkoll fuq l-edukaturi biex is-sistema edukattiva tal-lum tkun aħjar minn dik tal-bieraħ.

F’dan il-kuntest ukoll, ma nistgħux ma nħeġġux lill-ġenituri sabiex huma wkoll jagħmlu l-parti tagħhom f’dan il-vjaġġ edukattiv ta’ wliedhom. Mill-banda l-oħra, nisħqu li l-istudenti għandhom iżommu f’moħħhom li l-iskola jmorru biex jitgħallmu u biex jitħarrġu f’dawk is-suġġetti li s’issa jkun għadhom ma jafuhomx. 

Il-faċilitajiet għat-tagħlim qegħdin hemm bl-investiment massiċċ li sar mill-gvern f’dawn l-aħħar snin. Investiment fi skejjel moderni mhux biss b’tagħmir imma wkoll b’manutenzjoni kontinwa li baqgħet għaddejja anki fix-xhur sħan tas-sajf biex il-ħajja skolastika tal-istudenti tkun aktar pjaċevoli li tagħti wkoll sodisfazzjon.

Għalhekk quddiem dan kollu, nemmnu li jekk kulħadd jaqdi tajjeb l-irwol tiegħu, edukaturi, ġenturi u studenti nnifishom ilkoll flimkien, finalment ikunu l-istess studenti li jibbenefikaw l-iktar billi jkomplu javvanzaw fl-istudji akkademiċi tagħhom biex jgħaġnu l-futur tagħhom huma stess u jilħqu fejn iridu jaslu. 

Ekonomija

Sport